Il-Kumitat Festi Nazzjonali din is-sena se jtella’ l-Pontifikal ta’ Jum il-Vittorja nhar il-Ħadd 7 ta’ Settembru, 2014 fis-7.30 ta’ filgħaxija fil-knisja Arċimatrici u Arċipretali Parrokkjali tan-Naxxar.
Matul is-snin il-Kumitat Festi Nazzjonali żamm dan l-appuntament ta’ kull sena fil-Kon-Katidral ta’ San Gwann fejn nhar il-festa nazzjonali dejjem ġew imfakkra ż-żewg assedji tal- 1565 u l-1943.
Mis-sena l-oħra l-Kumitat Festi Nazzjonali beda jżomm dan il-Pontifikal f’waħda mill-knejjes li tiċċellebra l-festa tal-Bambina. Is-sena l-oħra, għall-ewwel darba dan il-Pontifikal sar fil-Bazilika ta’ Marija Bambina, fl-Isla.
Din is-sena jmiss il-knisja tan-Naxxar – li hi waħda mill-knejjes li jiċċellebraw il-festa tal-Bambina.
Apparti l-Pontifikal bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Vittorja l-Kumitat jorganizza wkoll Serata komemmorattiva li din is-sena se ssir f’Misraħ l-Assedju, il-Belt Valletta nhar is-Sibt 6 ta’ Settembru. F’din is-serata jsir diskors komemmorattiv u ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni. Nhar Jum il-Vittorja l-President ta’ Malta tfakkar ukoll dan il-Jum b’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruna fuq l-istess mafkar. Aktar tard il-Kumitat Festi Nazzjonali jpoġġu kuruni fuq il-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla, Monument tal-Vittojra fil-Birgu u l-Monument tal-Vittmi tal-Gwerra fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addollorata.
//= $special ?>