Edukazzjoni Lokali

Korsijiet tal-Higher Diploma fuq bażi part-time mis-sena akkademika li jmiss tal-MCAST

Mill-bidu tas-sena akkademika li jmiss f’Ottubru li ġej, il-Kulleġġ tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) se jibda joffri korsijiet ta’ Higher Diploma fuq bażi part-time. L-istudenti se jkollhom l-opportunità jattendu l-kors filgħaxijiet biex ikun possibbli wkoll għal dawk li jaħdmu jew għandhom xi impenji oħrajn filgħodu. L-MCAST ħabbar li se jkun qed joffri 265 kors ta’ dan it-tip, primarjament indirizzati għall-adulti. Madankollu, studenti fil-livell post-sekondarju wkoll jistgħu jieħdu l-korsijiet, li jgħinuhom isaħħu l-għarfien edukattiv tagħhom b’aktar ħiliet.

Minn din is-sena, se jiżdiedu 23 kors ġdid, li jvarjaw minn dawk dwar it-teknoloġija viżiva moderna għal dawk dwar il-wirt storiku, kif ukoll minn dawk dwar il-konservazzjoni tal-ambjent għal dawk dwar is-servizzi finanzjarji. L-informazzjoni dwar dawn il-korsijiet diġà bdiet titqassam fil-ktejjeb ta’ informazzjoni fid-djar u n-negozji kollha madwar Malta u Għawdex. Il-ktejjeb, li jinkludi fih il-Prospectus u l-Formola tal-Applikazzjoni, jista’ wkoll jinġabar mill-Kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid jew miċ-Ċentri tal-MCAST fix-Xagħra u x-Xewkija Għawdex. Wieħed jista’ wkoll jikseb aktar informazzjoni mis-sit elettroniku www.mcast.edu.mt.

Waqt it-tnedija ta’ dawn il-korsijiet, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Cachia qal li matul is-sena akkademika l-ġdida, l-MCAST se jkun qed joffri numru rekord ta’ korsijiet part-time. Sostna li l-MCAST qed jaħdem ukoll biex iżid it-taħlita ta’ korsijiet li jistgħu jiġu segwiti, kemm mill-Kampus kif ukoll online. Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-MCAST għandu rwol qawwi biex jipprovdi l-opportunitajiet, anke bis-saħħa ta’ korsijiet bħal dawn, ħalli kulħadd ikun jista’ jaġġorna l-abbiltajiet u l-ħiliet tiegħu.

Wara li ngħalaq fis-snin 70, l-MCAST kien reġa’ nfetaħ minn Gvern Nazzjonalista fl-2001. Minn dakinhar, l-istudenti li jattendu l-MCAST setgħu jibdew igawdu minn numru ta’ korsijiet, li wħud minnhom anke jwasslu għal Baċellerat.

Sadanittant, fil-jiem li għaddew waslu fi tmiemhom korsijiet organizzati mill-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà fl-Informatika (FITA), li jgħinu biex persuni neqsin mid-dawl, b’nuqqas intelletwali jew b’diffikultà fil-komunikazzjoni jingħataw taħriġ fl-IT ħalli jkunu jistgħu jikkontribwixxu aktar lejn is-soċjetà ta’ madwarhom. 58 student temmew b’suċċess dawn il-korsijiet fl-ICT, li jsiru bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat tal-Edukazzjoni, l-MCAST, il-MITA u d-Direttorat tal-Lifelong Learning, fost l-oħrajn.