FLORIANA 0
VALLETTA 2
Floriana: V.Senatore, D.Cobo, E.Marcelina, S.Pisani, C.Borg (75′ G.Galea), V.Plut, M.Piciollo, E.Briffa, B.Farrugia (80′ I.Galea), S.Borg, S.Bonnici.
Valletta: N.Vella, J.Caruana, I.Azzopardi, S.Borg, R.Fenech, H.Faria, R.Sohna (62′ L.Elford Alliyu), S.Bajada (79′ Llywelyn Cremona), C.Caruana (62′ A.Zahra), Abdelkarim Nafti, L.Dimech.
Ammoniti: Piciollo (F), Marcelina (F), St. Borg (V), Bajada (V)
Skurjaw: Lateef Elford-Alliyu 65′, Abdelkarim Nafti 85′(V)
Referee: Alan Mario Sant
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: R. Fenech (V)
Valletta għelbu lir-rivali ta’ barra s-swar Floriana b’żewġ gowls fit-tieni taqsima, biex b’hekk sa fl-aħħar l-iljun Belti qam mir-raqda li deher li kien fiha fl-ewwel żewġ partiti tal-Kampjonat u waslet ukoll l-ewwel rebħa uffiċjali għall-kowċ Belti Gilbert Agius kemm ilu li ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim Belti. B’dan ir-riżultat, l-imbattibbiltà ta’ Valletta kontra Floriana fil-Kampjonat titwal għal seba’ snin, bil-Furjaniżi jegħlbuhom biss fil-Finali tat-FA Trophy tal-2011.
Agius irid jingħata mertu għal din ir-rebħa għax il-bidliet li wettaq wara siegħa logħob, speċjalment bid-dħul ta’ Elford-Alliyu, kienu kruċjali biex taw spinta lill-attakk Belti, li fit-tieni taqsima kien superjuri. Fil-formazzjoni inizjali nkluda lil Christian Caruana minflok Luke Montebello bit-tama li l-“Boqli” juri x’jaf kontra l-eks tim tiegħu. Min-naħa tiegħu, mill-aħħar partita, kontra Sliema, il-kowċ ta’ Floriana Giovanni Tedesco beda bl-istess ħdax, inkluż Brooke Farrugia frisk mill-ewwel sejħa tiegħu mat-Tim Nazzjonali.
Wara kwarta logħob, Faria niżżel ballun preċiż lil Kooh-Sohna, iżda x-xutt tal-Kamerunjan ħakkek mal-wieqfa u spiċċa barra. Floriana kellhom żewġ tentattivi ta’ Plut li kienu salvati minn Vella, filwaqt li għal Valletta l-Captain Fenech, li jibqa’ jispikka fost sħabu f’kull partita, wieġeb b’tentattiv minn barra l-kaxxa li kien salvat minn Senatore.
Fit-63 minuta, il-kowċ Belti għamel żewġ sostituzzjonijiet billi daħħal lil Adrian Zahra u Elford-Alliyu u kien proprju dan tal-aħħar li żblokka r-riżultat. Wara biss żewġ minuti fil-grawnd, irċieva mingħand l-eks Bajada, avvanza u skorja l-ewwel gowl ta’ Valletta f’dan il-Kampjonat wara iktar minn 4 sigħat futbol. L-istess Alliyu seta’ żied ieħor minuta wara, meta wiċċ imb’wiċċ ma’ Senatore ra lill-goalkeeper Furjaniż jilqagħlu tajjeb.
Ħames minuti mit-tmiem, Valletta għalqu l-logħba bit-tieni gowl b’azzjoni bejn Cremona, Fenech u Abdelkarim Nafti, bit-Tuneżin kompletament waħdu jikkonkludi fix-xibka. B’dan ir-riżultat, Valletta jittamaw li jinsew id-diżappunti tal-ewwel żewġ partiti u issa jkomplu fuq pass tajjeb, filwaqt li għal Floriana, il-waqfa mill-Kampjonat għandha sservihom ta’ riflessjoni b’tama ta’ progress għall-konfronti li jmiss.
//= $special ?>

