Internazzjonali

L-Istati Uniti tkompli bl-impenji fil-konfront tal-militanti fis-Sirja u l-Iraq

L-Istati Uniti kompliet bl-impenji fil-konfront tal-militanti mal-grupp Stat Iżlamiku (IS), bil-President Amerikan, Barack Obama, jawtorizza t-titjiriet ta’ sorveljanza fuq is-Sirja bl-iskop li tinkiseb informazzjoni xierqa dwar l-attivitjiet tat-terroristi li jridu jestendu l-Kalifat li huma żviluppaw fl-artijiet Sirjani u tal-Iraq.

Il-qawwiet tal-ajru Amerikani diġa ilhom il-ġimgħat għaddejjin b’offensiva kontra l-militanti tal-IS fl-Iraq u l-aħħar inizjattiva għal sorveljanza tista’ tiftaħ għall-ewwel attakki mill-ajru tal-Amerikani fuq iż-żoni Sirjani li waqgħu f’idejn il-ġellieda Iżlamiċi.

Il-Gvern tas-Sirja diġa qal li lest biex jaħdem mal-komunita internazzjonali fil-ġlieda kontra l-militanti tal-IS, iżda l-Gvernijiet tal-Punent ċaħdu għas-suġġerimenti li huma għandhom ‘jikkollaboraw’, f’dan is-sens, mal-President Sirjan, Bashar al-Assad.

Il-Punent ilu jħeġġeġ biex Assad iwarrab mill-poter wara gwerra ċivili (fis-Sirja) ta’ aktar minn tliet snin u fejn inqatlu ‘il fuq minn 191,000. Intant, kompliet ir-rewwixta kontra t-tmexxija ta’ Assad anki waqt li qed tiżdied it-theddida tal-IS għar-reġjun tal-Lvant Nofsani.

Il-President Obama approva t-titjiriet fuq is-Sirja li jinvolvu l-fighter-jets u d-drones u bl-uffiċjali Amerikani itennu li t-titjiriet ‘diġa bdew’.

Il-militar tal-Istati Uniti ilu x-xhur jissorvelja lill-militanti tal-IS u fejn beda l-offensiva tal-ajru fuq it-terroristi fl-Iraq, fit-8 ta’ Awwissu. Intant, ħarbu l-mijiet tal-eluf ta’ ċivili Iraqqin mindu l-militanti tal-grupp IS u r-ribelli Sunni alleati magħhom ħatfu l-kontroll tal-ibliet u l-villaġġi fit-Tramuntana tal-Iraq, fejn wettqu massakru wara l-ieħor.

Għalkemm Obama żamm lura minn azzjoni militari fis-Sirja, mifhum li l-Uffiċjali mal-Pentagon infurmawh li l-uniku mezz biex hu jelimina lit-terroristi tal-IS hu b’li jmexxi offensiva fuqhom fl-artijiet Sirjani.

Dan fost ir-rapporti li l-Pentagon qed iħejji ‘l-għażliet quddiemu’ bl-iskop li jolqot lill-militanti tal-IS fis-Sirja, kif ukoll fl-Iraq. L-impenn inkwistjoni għandu jinvolvi l-attakki mill-ajru fuq il-miri speċifiċi li jinkludu l-Mexxejja tal-IS fl-inħawi tal-fortizza tagħhom fil-belt Sirjana ta’ Raqqa u fiż-żoni l-oħrajn tal-Lvant, qrib il-fruntiera mal-Iraq.