Il-Union tal-Għalliema (MUT) kitbet lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex turi t-tħassib tagħha dwar dawk li huma magħrufin bħala l-Area Secondary Schools li, minħabba r-riformi li qed isiru, is-sena skolastika li ġejja se tkun l-aħħar sena tagħhom. L-MUT qalet li jidher li fis-sena skolastika li jmiss dawn l-iskejjel se jitmexxew biss minn Kap ta’ Skola waħdu mingħajr l-għajnuna ta’ Assistenti Kapijiet.
L-MUT qed tisħaq li dan se jfisser li, jekk il-Kap tal-Iskola jkun marid jew jekk ikun mistenni li jattendi għal xi laqgħa li jissejjaħ għaliha mid-Direttorat tal-Edukazzjoni, ħadd mhu se jkun responsabbli mit-tmexxija tal-Iskola, anke jekk tinqala’ xi emerġenza. Fl-ittra tagħha, l-MUT fakkret li dawn l-Iskejjel jilqgħu fihom studenti li ħafna drabi juru mġieba diffiċli. Għaldaqstant, hu aktar importanti li jkun hemm sigurtà fl-iskola. L-MUT esprimiet it-tħassib tagħha wkoll għall-fatt li f’dawn l-Iskejjel se titħalla biss Skrivana part-time u għalhekk l-appoġġ klerikali f’dawn l-Iskejjel se jkun wieħed limitat ħafna.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MUT talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex b’mod urġenti jidħol fid-dettal tal-kwistjoni u jsib soluzzjoni għal dawn l-Iskejjel. Din kienet it-tielet korrispondenza tal-MUT indirizzata lill-Ministru b’ilmenti fuq kwistjonijiet differenti fl-aħħar ġimgħat: il-każ tal-eżami orali tal-Librara-Għalliema fl-Iskejjel, fejn inbidel ir-riżultat darbtejn bil-konsegwenza li studenti qabżu oħrajn fl-ordni tal-mertu, dak tal-laptops tal-Għalliema li għandhom bżonn jinbidlu u l-każ tat-tifel li spiċċa f’nofs ta’ triq fil-Fgura meta suppost kien qed jattendi SkolaSajf.
//= $special ?>
