Futbol Sport

Lampard jirtira minn mat-tim nazzjonali

Il-midfielder Ingliż ta’ 36 sena, Frank Lampard ħabbar li se jirtira minn mat-tim nazzjonali. B’kollox Lampard lagħab 106 partiti mat-tim nazzjonali Ingliż u l-aħħar dehra tiegħu waslet fil-partita kontra l-Costa Rica fit-Tazza tad-Dinja li saret fil-Brażil matul dan is-sajf. L-ewwel darba li Lampard libes il-flokk tat-tim nazzjonali Ingliż kien fl-1999 u minn dakinhar ‘l hawn skurja 29 gowl u hu s-sitt l-aqwa skorer fl-istorja tal-pajjiż.

F’dawn l-aħħar xhur Lampard ħalla lil Chelsea u ingħaqad ma’ New York City. Ma’ Chelsea kien ilu jilgħab 13-il sena wara li kien ingħaqad magħhom mingħand West Ham Utd. Bħalissa Lampard hu misluf lil Manchester City sakemm jingħata bidu għall-kampjonat fl-Istati Uniti.

Riċentament, plejer ieħor Ingliż li ħabbar li irtira minn man-nazzjonal kien Steven Gerrard.

“Kienet deċiżjoni iebsa u kont ilni naħseb dwarha sa minn meta intemmet it-Tazza tad-Dinja. Minn dejjem kont kburi u onorat li irrappreżentajt lil pajjiżi u kull minuta li lbist il-flokk Ingliż hu mument li m’hu se ninsa qatt,” qal Lampard fl-ewwel kummenti li ta hekk kif ħabbar li kien se jirtira. Lampard qal li l-fatt li issa se jibda jilgħab fl-Istati Uniti kien fattur importanti li wassal biex ma jibqax jilgħab mal-Ingilterra.

Għada il-kowċ nazzjonali tal-Ingilterra Roy Hodgson hu mistenni jħabbar min se jkun il-captain il-ġdid tat-tim la darba irtiraw Gerrard u Lampard.