Knisja Lokali

“Mixja, Qadfa, Ġirja” b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-membri tal-Grupp Żgħażagħ Gudja qed jieħdu inizjattiva biex jgħinu lid-Dar tal-Providenza billi l-Ħadd, 28 ta’ Settembru se jorganizzaw l-ewwel edizzjoni ta’ dik li qed tissejjaħ “Mixja, Qadfa, Ġirja” b’risq id-Dar tal-Providenza. Dettalji dwar din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar tal-Providenza mill-President tal-Grupp Żgħażagħ Gudja Stefan Caruana u mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef.

L-attività se tiġbor fiha t-tliet attivitajiet sportivi tal-ġiri, tal-qdif bir-roti u tal-mixi, bil-parteċipanti jistgħu jagħżlu liema attività jieħdu sehem fiha. Filwaqt li l-mixja se tibda mill-Pjazza tas-Siġġiewi fid-8.45am, il-qadfa bir-roti se tibda mill-Pjazza tal-Kattidral tal-Imdina fid-9.15am u l-ġirja se tibda minn quddiem il-Knisja taż-Żurrieq fid-9.15am wkoll.

It-tliet attivitajiet se jkunu kollha fid-destinazzjoni unika tad-Dar tal-Providenza, fejn se jkun hemm l-għeluq tal-attività.

Bħalissa, fid-Dar tal-Providenza u d-djar l-oħrajn li tamministra jgħixu aktar minn 100 resident, filwaqt li numru ieħor jingħataw servizz skont il-ħtiġijiet tagħhom. Barra minhekk, hemm ukoll numru ta’ persuni b’diżabbiltà li qed jistennew biex ikunu akkomodati fid-Dar tal-Providenza, iżda għalissa għad m’hemmx spazju biżżejjed.

Il-Grupp Żgħażagħ Gudja qed jappella lill-personalitajiet Maltin biex jagħtu l-eżempju u jipparteċipaw f’din l-attività billi jipproponu persuni oħrajn ħalli jagħmlu bħalhom u jieħdu sehem. Fost il-personalitajiet li diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom hemm il-President ta’ Malta Marie Lousie Coleiro Preca u l-Isqof Awżiljarju Mons Charles Scicluna.