Sitt persuni li waslu fl-ajruport ta’ Delhi, fl-Indja, wara żmien fil-Liberja inżammu fi kwarantina u fejn sarulhom it-testijiet li jiddeterminaw jekk huma setgħux spiċċaw infettati bil-virus tal-Ebola.
L-ajruporti ta’ Delhi u Mumbai huma mgħammrin għall-iscreening ta’ persuni li jaslu hemmhekk permezz ta’ titjiriet partikolari u bl-awtoritajiet tas-saħħa Indjani qed jenfasizzaw li l-miżuri li ttieħdu s’issa (fiż-żewġ ajruporti) saru biss bħala prekawzjoni.
Din is-sena mietu ‘l fuq minn 1,400 persuna bl-Ebola fil-Guinea, il-Liberja, in-Niġerja u Sierra Leone.
Min-naħa tiegħu, il-Ġappun jinsab lest biex jipprovdi mediċina għal kontra l-influwenza bħala mezz li jikkumbatti l-Ebola. Is-Segretarju tal-Kabinett Ewlieni, Yoshihide Suga, spjega li l-mediċina – li jisimha Avignan – ‘għad trid tkun approvata’ bil-kooperazzjoni mal-manifattur u f’każ ta’ talba speċifika mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Il-mediċina inkwistjoni kienet żviluppata minn Toyama Chemical u għaddejjin ukoll it-taħditiet mal-US Food and Drug Administration ( tal-Istati Uniti) dwar l-użu estiż tagħha fit-trattament tal-pazjenti morda bl-Ebola. Sallum intużat biss il-mediċina Zmapp kontra l-virus u li, f’xi każi, dehret li kienet qed taħdem b’mod effettiv.
//= $special ?>