Futbol Sport

Naxxari jikkastiga lin-Naxxarin

BIRKIRKARA 0
NAXXAR LIONS 0

Birkirkara: J. Haber, Z. Muscat, R. Camenzuli, N. Vukanac, A. Mendoza, P. Fenech, R. Scicluna (K. Zammit 84′), E. Herrera, L. Grech (M. Bissi 67′), R. Ledesma (Eliandro 67′), Liliu
Naxxar L: J. Azzopardi, A. Buhagiar (R. Cassar 46′), D, Reano, I. Edet, A. Scicluna, D. Falzon, V. Bellia (Gilmar 80′), D. Fenech (M. Del Negro 40′), T. Vella, U. Emenike, P. Gueye
Skurja: P. Fenech 93′
Ammoniti: P. Fenech (B), U. Emenike, A. Buhagiar, T. Vella (N)
Referee: Philip Farrugia
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: J. Azzopardi (N)

Gowl fit-93 minuta ta’ Paul Fenech, proprju kontra t-tim ta’ raħal twelidu Naxxar Lions, ħalla lil Birkirkara waħedhom f’ras il-klassifika b’punti massimi. L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu fil-Kampjonat kien f’Jannar li għadda, meta l-Karkariżi kienu rebħu 7-1. Din id-darba l-istorja kienet differenti, hekk kif id-dixxiplina tattika tan-Naxxarin, speċjalment fid-difiża msaħħa b’wirja qalbiena tal-goalkeeper Julian Azzopardi, kważi tat l-ewwel diżappunt tal-istaġun lill-Karkariżi.

Madankollu, tal-iStripes reġgħu wrew il-potenzjal tagħhom li xorta kapaċi jieħdu l-punti kollha, anke minn dawn is-sitwazzjonjiiet prekarji. Mill-partita ta’ erbat ijiem ilu, il-kowċ Paul Zammit ma żammx it-trio ta’ Brażiljani li tant kienu effettivi fl-attakk kontra Żebbuġ, b’Eliandro jitħalla fuq il-bank u jidħol fit-tieni taqsima. Il-kowċ Naxxari Winston Muscat ħalla lil Gilmar mas-sostituti biex il-post l-ieħor ta’ barrani fl-ewwel 11 imlieh id-debuttant Pape Gueye. L-uġiegħ ta’ ras għal Muscat żdied meta fl-ewwel taqsima weġġgħulu David Fenech u Angus Buhagiar u kellu jagħmel żewġ sostituzzjonijiet kmieni.

Fl-ewwel taqsima, Birkirkara resqu l-aktar viċin minn Liliu, li kkontrolla b’sidru l-cross ta’ Camenzuli u kien pront ixxuttja iżda laqat il-lasta. Fit-tieni taqsima, Birkirkara wrew aktar biċ-ċar l-intenzjonijiet tagħhom meta resqu diversi drabi lejn il-lasti ta’ Azzopardi, bil-goalkeeper Naxxari juri l-abbiltajiet tiegħu b’diversi interventi puntwali. Mas-siegħa logħob, Fenech ra x-xutt fil-baxx tiegħu mblukkat minn Azzopardi. Żewġ minuti wara, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Scicluna kien devjat mid-difiża Naxxarija, iżda Azzopardi ġġebbed u laħaq ballun destinat għall-goal. Birkirkara baqgħu jippersistu u reġgħu laqtu l-lasta mid-daqqa ta’ ras ta’ Mendoza minn corner ta’ Ledesma.

Tliet minuti fuq il-ħin mogħti żejjed, il-cross ta’ Herrera kien ikklerjat qasir mid-difiża Naxxarija, b’Paul Fenech japprofitta mill-ballun mitluf u jitfa’ fir-rokna tax-xibka. Il-goal ġab ewforija sħiħa fost il-partitarji Karkariżi, li kienu diġa daħlu fid-dwell ma’ dawk Beltin li kienu preżenti jsegwu l-partita ta’ wara kontra Floriana. B’hekk, dan ir-riżultat iħalli lil Birkirkara b’disa’ punti u lil Naxxar b’wieħed qabel il-waqfa, li eżatt warajha tara liż-żewġ timijiet jiffaċċjaw derby: Naxxar lil Mosta u Birkirkara lil Balzan.