Internazzjonali

Aġġornata: Ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas

Iżrael u l-militanti Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza ftehmu dwar waqfien mill-ġlied li għandu jibqa’ fis-seħħ għat-tul taż-żmien.

Il-ftehim li kkonkluda seba’ ġimgħat ta’ ġlied li ħalla ‘l fuq minn 2,200 persuni mejtin kien sponsorjat mill-Eġittu.

Ir-rapporti qalu li l-medjaturi Eġizzjani, fost oħrajn, ipproponew tmiem indefinittiv għall-ġlied fl-inħawi u biex jinfetħu immedjatament l-aċċessi ta’ Gaza ma’ Iżrael u l-Eġittu.

Moussa Abu Marzouk, il-Viċi-kap politiku għall-moviment ta’ Hamas li qed jikkontrolla Gaza, sostna li l-ftehim jirrappreżenta trijonf għar-reżistenza tal-Palestinjani kontra Iżrael.

Fl-istess ħin, Uffiċjali tal-Gvern Iżraeljan qalu li għandhom inaqqsu l-assedju fuq Gaza biex jippermettu għat-trasport tal-provvisti tal-għajnuna lir-residenti f’dan it-territorju.

Matul il-ġurnata, iżda, komplew l-isparaturi bejn il-qawwiet avversarji, bl-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani jibbumbardjaw il-bini prominenti f’Gaza. F’dawn l-attakki inqerdet it-Torri ta’ Basha li kienet tinkludi l-appartamenti u l-uffiċini filwaqt li kumpless ieħor li kien jinkorpra d-djar u l-ħwienet ukoll ġarrab il-ħsarat kbar.

L-attakki ħallew numru ta’ Palestinjani maqtula, bil-militanti f’Gaza ukoll jisparaw il-missili lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan fost ir-rapporti li raġel tilef ħajtu f’wieħed mill-bumbardamenti, u meta rriżultaw ukoll numru ta’ Iżraeljani midruba.