Is-sewwieq tal-Mercedes Nico Rosberg qal li ma jaqbilx ma’ dak li qal Lewis Hamilton rigward l-inċident li seħħ fi tmiem il-ġimgħa waqt il-Grand Prix tal-Belġju. Rosberg laqat lil Hamilton minn wara u waqt li kkawżalu puncture temmlu t-tiġrija. Rosberg ikrupra u temm it-tieni biex kabbar il-vantaġġ għal 29 punt fuq l-istess Hamilton meta fadal seba’ tiġrijiet. Wara t-tellieqa Lewis Hamilton sostna li l-Ġermaniż ammetta li daħal fih apposta. It-tellieqa intrebħet minn Daniel Ricciardo tar-Red Bull. Illum ħarġet l-aħbar ukoll li l-FIA mhux se tikkastiga lil Rosberg ta’ dak li għamel.
“Jien smajt il-verżjoni ta’ Hamilton u l-uniku ħaġa li nista’ ngħid hu li ma naqbilx mal-mod ta’ kif ħares lejn is-sitwazzjoni. Ma rridx inkompli nitkellem dwar dan l-inċident fil-pubbliku. Dawn l-affarijiet insolvuhom internament. Kulħadd għandu opinjoni dwar dak li ġara u issa l-importanti hu li ninsew kollox u nimxu ‘ quddiem,” qal Rosberg f’kummenti li ta ftit jiem wara t-tellieqa.
Minn naħa tiegħu Hamilton qal ukoll li issa ma jafx għandux jafda aktar lil Rosberg fit-tlielaq li fadal għal tmiem il-kampjonat.
“Jien se npoġġi lit-tim l-ewwel u żgur li mhux se nirritalja. Ma nafx kif se nirkupra l-iżvantaġġ li għandi imma żgur li mhux se nagħmel affarijiet li mhux suppost nagħmel biex npatti għad-disfatta tal-Ħadd,” qal Hamilton.
Intant is-sewwieq tal-Ferrari Fernando Alonso qal li dak tar-Red Bull Daniel Ricciardo m’għandux ċans jirbaħ it-titlu għax il-vantaġġ li għandu Nico Rosberg fuqu hu wieħed wisq kbir. Bħalissa Rosberg għandu vantaġġ ta’ 64 punt fuq Ricciardo, sewwieq li s’issa rebaħ tliet GP dan l-istaġun. Is-sewwieq Awstraljan hu l-uniku sewwieq minbarra t-tnejn tal-Mercedes li dan l-istaġun rebaħ xi tlielaq.
“Il-wirjiet li qed ikollu Ricciardo huma mill-aqwa u m’għandix dubju li qed jissorprendi lil kulħadd imma l-vantaġġ li għandhom il-Mercedes hu kbir wisq. Nemmen li Ricciardo m’għandux ċans jirbaħ it-titlu, anke jekk wieħed irid jgħid, li jekk hemm xi sewwieq minbarra Hamilton jew Rosberg li jista’ jirbaħ it-titlu hu proprju Ricciardo,” qal Alonso.
//= $special ?>