Qorti

Sajjied mixli li qabad tonn barra mill-istaġun

Sajjied part-time ta’ 45 sena mill-Fgura ġie mixli li qabad żewġ ħutiet barra mill-istaġun u li jiżnu aktar minn normal barra l-istaġun u mingħajr ma kellu liċenzja. Alfred Previ, li jaħdem bħala watchman, kien mixli quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia b’pussess illegali ta’ tonn u li stad mingħajr ma kellu liċenzja barra l-ibħra territorjali. Il-ħut maqbud kien jiżen 50kg u 31kg rispettivament.

Previ kien arrestat l-Erbgħa, 13 ta’ Awwissu li għadda meta wasal lura fil-Bajja ta’ San Tumas. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €1,000 u li jiffirma kull nhar ta’ Ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija tal-Fgura.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Andrew Azzopardi, sajjied Għawdxi mix-Xewkija, kien immultat €7,800 fuq sajd illegali wara li kien qabad b’kemm jiswew €700 f’lampuki.