Editorjal

Editorjal: Qasam importanti li waqa’ f’daqqa

Ilbiraħtlula ħarġu ċifri li kull meta ħarġu s’issa kienu juru s-suċċess kbir ta’ waħda mill-industriji ewlenin li Gvern Nazzjonalista kien ġibed lejn Malta u li ħolqot impjiegi tajbin għall-ħaddiema fiha u ġid għall-bqija: is-servizzi finanzjarji.

Banek barranin u fondi bbażati Malta
Qasam importanti f’din l-industrija hu banek barranin u fondi ta’ investiment li jkunu bbażati u amministrati f’Malta. Gvern Nazzjonalista kien fassal inċentivi biex Malta tattira lejha banek u fondi ta’ investiment barranin li flok ikunu bbażati f’ċentri finanzjarji oħrajn, ikunu bbażati f’Malta.

Ċentru finanzjarju sod u rispettat
B’hekk, Malta saret ċentru finanzjarju sod u rispettat u dan wassal biex inħolqu impjiegi għal Maltin li ħatfu l-opportunitajiet l-oħrajn li Gvern Nazzjonalista fetaħ ukoll fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal dan it-tip ta’ xogħol.

Xogħol u pagi tajbin għall-ħaddiema Maltin
Għax dan kien l-għaqal imżewweġ mal-viżjoni ekonomika ta’ Gvern Nazzjonalista: li jiġbed lejn Malta industriji ġodda b’inċentivi mfasslin sew u billi joħloq l-infrastruttura fiżika, fil-liġijiet, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ għax-xogħol f’dawn l-industriji ħalli jkunu kemm jista’ jkun ħaddiema Maltin li jgawdu minnhom.

Mix-xejn għal 10 biljun ewro fl-2012
U s-suċċess ta’ dan il-qasam kien jidher ċar mill-istatistika li kienet toħroġ kull sena dwar il-flejjes amministrati minn banek u fondi ta’ investiment f’Malta. Għaxar snin ilu kien hawn anqas minn żewġ biljun ewro minn barra amministrati f’Malta – ammont diġà kbir li kien beda mix-xejn ftit snin qabel.

Waqgħa ta’ terz is-sena li għaddiet
Imma mbagħad dawn irduppjaw għal erba’ biljun ewro ħames snin ilu, u reġgħu aktar milli rduppjaw sa għaxar biljuni sentejn ilu. Issa ħarġu ċ-ċifri għas-sena l-oħra u l-flejjes amministrati f’Malta minn banek u fondi ta’ investiment naqsu bil-qawwi għal sitt biljuni u nofs – tnaqqis f’daqqa ta’ terz.

Banek barranin li telqu minn Malta
Dan hu riżultat ta’ dak li rajna jseħħ f’dawn l-aħħar xhur bl-irtirar minn Malta ta’ banek barranin li kienu ġew attirati lejn Malta qabel imma li fl-aħħar tas-sena l-oħra ħabbru li se jitilqu. U dan hu sinjal li għandu jittieħed bis-serjetà.

Bżonn ta’ viżjoni ekonomika b’saħħitha
Jittieħed bis-serjetà billi nifhmu l-importanza li f’dan il-qasam inkunu l-ħin kollu kompetittivi għax qed nikkompetu ma’ pajjiżi oħrajn u rridu nibqgħu fuq quddiem. U rridu nifhmu wkoll li Malta għandha bżonn viżjoni ekonomika b’saħħitha li Gvern Nazzjonalista kien ta lil Malta imma li dal-Gvern, f’sena u nofs li ilu, għadu ma tax.