Qorti

George Farrugia jgħid li Alfred Mallia ħa kummissjonijiet fuq kuntratti ta’ xiri u ħażna taż-żejt

George Farrugia, li kien ingħata l-Maħfra Presidenzjali dwar allegati rregolaritajiet fuq xiri ta’ żejt, qal fil-Qorti li Kap tal-Petroleum Division tal-Enemalta Alfred Mallia kien jitlob kummissjonijiet għal kuntratti dwar xiri u ħażna ta’ żejt u hu kien jagħtihomlu biex in-negozju tiegħu jibqa’ għaddej. Farrugia qal li ma jiftakarx l-ammont eżatt ta’ kummissjonijiet imħallsa lil Mallia għax ma kienx juża’ jew jirċievi rċevuti għal kummissjonijiet. Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Kris Balzan, l-Avukat ta’ Mallia, George Farrugia qal li kien iħallas bi flus kontanti.

Farrugia kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni li fiha l-eks Sindku ta’ Ħal Qormi Alfred Mallia, ta’ 69 sena minn Ħal Qormi, jinsab mixli b’korruzzjoni u li ħa kummissjonijiet fil-każ tax-xiri taż-żejt tal-Enemalta. Farrugia qal li hu kien imexxi l-kumpanija Powerplan Ltd, li tirrappreżenta l-kumpanija internazzjonali taż-żejt Total u li ħutu kienu diretturi tagħha. Tenna li r-relazzjoni ta’ negozju bejnu u Mallia kienet bdiet fl-1997.

Alfred Mallia kien qallu li kellu klijenti li riedu jixtru prodotti li kienu xi “pakketti żgħar” u parti minn shipments ta’ 20,000 tunellata ta’ żejt impurtat f’Malta. Għal dawn, Mallia kellu jirċievi kummissjonijiet fuq ix-xiri, iżda ma kellu x’jaqsam xejn mal-Enemalta għax dak iż-żmien kien għadu ma bediex jaħdem hemm. Farrugia qal li hu kien qed jaġixxi bħala aġent lokali tat-Total f’Malta, filwaqt li fakkar kif fl-1999 kien seħħ strajk fil-port u għalhekk prodotti tat-Total biss kienu disponibbli fis-suq lokali.

Qal li Mallia kien qallu biex jitlob lill-kumpanija Total ħalli jara humiex interessati jbiegħu l-prodotti lill-Enemalta. Għal darb’oħra, Mallia ried kummissjoni għal ftehim bħal dan. Ried nofs il-profitti ta’ Farrugia, qal ix-xhud. “Jien infurmajtu li l-profitt tiegħi hu ta’ $1 għal kull tunellata, meta fir-realtà l-profitti kienu ta’ $1.50. Għalhekk tajtu 50ċ għal kull tunellata bħala kummissjoni”.

Farrugia qal li t-Total rebħet tender ieħor mal-Enemalta “fuq mertu tagħha” u Mallia reġa talbu kummissjoni. Farrugia qal li kien jaf li l-Kap tal-Finanzi tal-Enemalta Tarcisio Mifsud kien ukoll involut meta Mallia kien kien spiċċa l-Isptar wara inċident. Fiż-żmien li għamel l-Isptar, hu kien poġġieh f’kuntatt ma’ Tarcisio Mifsud, li ried l-istess kummissjoni, u qallu li issa hu kien se jieħu ħsieb lil Mallia. Ix-xhud qal li b’hekk sar jaf li Mallia u Mifsud kienu qed jaqsmu l-kummissjonijiet.

Hawn Farrugia qal li hu kien ħallas lil Alfred Mallia u lil Tarcisio Mifsud b’madwar Lm40,000 (€93,000) f’kummissjonijiet. Dawn il-ħlasijiet lil Mallia u Farugia kienu waqfu wara l-inċident. L-Ispettur Jonathan Ferris staqsa lil Farrugia għaliex kien jagħti dawn il-ħlasijiet lil Mallia u lil Mifsud, b’Farrugia qal li kien jagħmel dan biex jibqa’ fin-negozju. Il-kumpilazzjoni tkompli x-xahar id-dieħel.