Internazzjonali

Iħarrku lill-Gvern dwar kura tas-saħħa ‘inadekwata’

L-immigranti li qed jippruvaw għall-kenn politiku u li qed jinżammu fuq Christmas Island, ħarrku lill-Gvern tal-Awstralja rigward is-servizzi għall-kura tas-saħħa li huma fissru bħala ‘inadekwati’.

Ir-rikors tressaq lill-Qorti Suprema ta’ Victoria għan-nom ta’ diversi immigranti li jinkludu tifla ta’ tliet snin li ilha tgħix f’detenzjoni għal sena. Il-każ legali għandu jallega, intant, li l-Gvern Awstraljan qed jonqos mid-dover tiegħu b’riżq dan il-grupp ta’ nies.

Avukat li qed jirrappreżenta lill-immigranti spjega li s-saħħa ta’ dawn in-nies ‘qed tkun kompromettata bil-kbir’ minħabba li huma jinsabu fi stat ta’ detenzjoni. Ir-rikors hu anki sinifikanti fi żmien meta żdied id-dibattitu rigward il-politika tal-Awstralja rigward l-immigrazzjoni: bid-detenzjoni tat-tfal tissemma fost l-aktar fatturi delikati.