Lokali

Il-Gvern Amerikan lest jibqa’ jgħin lil Malta biex tiffaċċja l-problema tal-immigrazzjoni

Il-Gvern Amerikan lest jibqa’ jgħin lil Malta fejn jidħlu r-refuġjati, fid-dawl tal-fatt li l-pajjiżi fil-Mediterran qed jiffaċjaw il-problema tal-immigranti rregolari li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu minħabba l-kunflitt fil-Libja. L-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Gina Abercrombie-Winstanley sostniet dan ma’ MaltaRightNow.com waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar dak li qed jiġri fil-Libja, indirizzata wkoll mill-Ambaxxatriċi Amerikana għal-Libja Deborah Jones, li bħalissa tinsab Malta minħabba li l-Ambaxxata Amerikana fil-Libja kellha tagħlaq kawża tal-ġlied.

Gina Abercrombie-Winstanley qalet li ħafna mill-immigranti rregolari li jaslu Malta u jingħataw it-titlu ta’ refuġjati qed jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż. Għalhekk, lill-immigranti m’għandniex biss narawhom bħala theddida, għalkemm tifhem it-tħassib tal-Gvern u l-poplu Malti. Iż-żewġ Ambaxxaturi sostnew dak li ntqal fl-istqarrija maħruġa lbieraħ, jiġifieri li l-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja u tal-Ingilterra, flimkien ma’ dak Amerikan, jikkundannaw il-vjolenza li għaddejja madwar il-Libja, partikolarment fi Tripli u f’Bengażi. Hemm, il-ġlied bejn il-militanti u l-forzi tal-Gvern ilhom li eskalaw u qed iwasslu għall-qerda taż-żewġt ibliet.

Abercrombie-Winstanley u Jones qalu li l-Gvern Amerikan jirrikonoxxi biss il-Gvern leġittimu Libjan. Dan wara li lbieraħ reġa’ ltaqa’ l-Parlament preċedenti Libjan, li kien iddominat mill-militanti Iżlamiċi u li vvota biex ineħħi l-Gvern temporanju li qed imexxi l-Libja. Għaldaqstant, issa l-Libja għandha żewġ Parlamenti rivali, b’kull wieħed appoġġjat minn fazzjonijiet armati differenti. Jones sostniet li llum ngħixu f’dinja fejn imn’alla tkun il-Liġi Internazzjonali għax inkella kulħadd jista’ jaqbad u jiddeċiedi li jagħmel li jrid, kif qed jiġri fil-Parlament Libjan. Dan hu fatt li jista’ jhedded is-sigurtà u l-libertà li ngawdu llum fid-dinja.

Mistoqsija dwar il-possibbiltà li l-Istat Iżlamiku jinfiltra fil-Libja kif għamel fl-Iraq, Deborah Jones qalet biss li dik hi waħda mill-akbar sfidi għal-Libja, tkun xi tkun is-sitwazzjoni fil-pajjiż.