Il-JRS, is-Servizz tal-ġeżwiti għar-Refuġjati, hu wieħed min-nominati għall-Premju Václav Havel għad-Drittijiet tal-Bniedem 2014. Mal-organizzazzjoni Maltija hemm ukoll il-B’Tselem Israeli Center for Human Rights mill-Iżrael u l-Anar Mammadli mill-Ażerbajġan.
L-ismijiet tal-finalisti għall-edizzjoni ta’ din is-sena tħabbru t-Tlieta, bl-għaqda rebbieħa tiġi magħrufa fid-29 ta’ Settembru li ġej.
Sitt esperti indipendenti, immexxija minn Anne Brasser, il-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, waslu għal din l-għażla finali mis-56 kandidat li kienu diġà segwew lista ta’ kriterji stabbiliti.
Il-JRS, li hi l-fergħa Maltija tas-servizz internazzjonali offrut mill-ġeżwiti għar-refuġjati, hi għaqda non-governattiva li taħdem biex tipproteġi d-drittijiet umani tar-refuġjati, immigranti irregolari u dawk li jiġu Malta biex ifittxu protezzjoni.
Lil dawn in-nies, l-organizzazzjoni toffrilhom għajnuna legali u appoġġ psikoloġiku u soċjali, kifukoll assistenza umanitarja oħra skont il-ħtieġa tagħhom. Ħafna mill-ħidma tal-JRS hi bbażata fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, fejn staff u voluntiera tal-JRS jagħtu attenzjoni partikolari, fost oħrajn bil-proċeduri meħtieġa.
Ta’ kull sena, il-Premju Václav Havel għad-Drittijiet tal-Bniedem jippremja lil dik l-organizzazzjoni li tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa u kontinenti oħrajn. L-organizzazzjoni rebbieħa tingħata donazzjoni ta’ €60,000, trofew u diploma.
Il-Premju hu organizzat mill-Assemble Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, bil-kollaborazzjoni tal-Librerija Václav Havel u l-Fondazzjoni Charta 77.
//= $special ?>