Lokali

Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar il-Bejgħ taċ-Ċittadinanza għadu ma ltaqa’ qatt f’disa’ xhur

Passaport Malti

Il-Liġi dwar il-Bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija għaddiet mill-Parlament fit-8 ta’ Novembru 2013 u dakinhar stess, f’konferenza tal-aħbarijiet f’Misraħ San Ġorġ bil-Grupp Parlamentari kollu tal-Gvern warajh, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar li se jitwaqqaf Kumitat ta’ Monitoraġġ biex jissorvelja l-proċess, ħalli fi kliem Muscat stess is-sistema sħiħa tkun taħt skrutinju.

Minkejja li dalwaqt jagħlaq sena mit-twaqqif tiegħu, dan il-Kumitat għadu ma ltaqa’ qatt. Barra minhekk, skont artiklu ppubblikat fil-ħarġa tal-lum ta’ The Times of Malta, il-Prim Ministru għadu lanqas iffissa data biex il-Kumitat jiltaqa’ għall-ewwel darba. Minbarra Muscat, li hu inkarigat mill-Kumitat, hemm inklużi wkoll il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Dan il-Kumitat issemma’ diversi drabi mill-Prim Ministru fil-Parlament waqt id-dibattitu jaħraq li kien għaddej fuq din l-iskema. Muscat kien iddikjara diversi drabi li jrid kunsens f’din il-kwistjoni. Madankollu, minkejja li għaddew kważi disa’ xhur, dan il-Kumitat ma ltaqa’ qatt. Muscat kien anke appunta lill-eks Kap taċ-Ċivil Godwin Grima, li kien minn tal-ewwel li tqaċċat mill-kariga malli tela’ l-Gvern Laburista, bħala Regolatur tal-iskema tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanza f’tentattiv li juri li verament irid kunsens.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, Muscat kien saħanistra qal li qed ifittex kunsens mal-Kap tal-Oppożizzjoni b’din il-mossa. Iżda anke f’dan il-każ, kien irriżulta li fil-mument li Muscat kien qed jgħid dan, Simon Busuttil lanqas biss kien għadu ġie nfurmat bid-deċiżjoni. Skopra li Muscat qed ifittex il-kunsens tiegħu minn mistoqsija tal-ġurnalista tal-Partit Laburista stess waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet hu wkoll fl-istess ħin fid-Dar Ċentrali.

Għall-iskema tal-Bejgħ taċ-Ċittadinanza, dan l-aħħar il-Gvern ħabbar li daħlu madwar 200 applikazzjoni li, skont Henley & Partners li qed tbiegħ iċ-Ċittadinanza Maltija, il-maġġoranza tagħhom huma ta’ Ċiniżi u Russi. Madankollu, il-Kumitat li suppost twaqqaf apposta biex jagħmel monitoraġġ kontinwu ta’ dawn l-applikazzjonijiet għadu ma ltaqa’ qatt u mistoqsijiet li The Times of Malta bagħat lill-Ministeru responsabbli dwar kemm-il darba ltaqa’ s’issa u jekk hux se jerġa’ jiltaqa’ dalwaqt, il-Ministeru ma weġibx. Lanqas l-Aġenzija Identity Malta, li tikkordina l-Iskema, ma wieġbet id-domandi tal-ġurnal bl-Ingliż.