Fl-aħħar jiem, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ħatar Bord ta’ Reviżuri bl-iskop li jkun jista’ jissorvelja l-ħidma tal-Partit, b’mod speċifiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzi u mal-ħidma operattiva. Dan il-Bord twaqqaf skont il-bidliet fl-Istatut tal-PN li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena.
F’kummenti dwar dan il-pass, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Bord tar-Reviżuri hu pass ġdid fl-Istatut tal-PN, kif imsaħħaħ, biex ikun assigurat li l-Partit qed jitmexxa fuq linji professjonali, kemm fl-organizzazzjoni politika kif ukoll dik kummerċjali. Il-PN qed jerġa’ jinbena mill-ġdid u qed jerġa’ jinbena fuq sisien sodi, sostna Simon Busuttil.
Fi stqarrija, il-PN ħabbar li ċ-Chairman tal-Bord ta’ Reviżuri hu Franz Wirth (ritratt), filwaqt li l-membri huma Malcolm Custò, Isabelle Vella, Eugenio Privitelli u Mario Galea. Wirth hu d-Direttur tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni ta’ waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-IT f’pajjiżna.
//= $special ?>