Il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla kien inawgurat uffiċjalment f’ċeremonja li saret fil-post illum. L-inawgurazzjoni saret minn Joe Mizzi, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll minn Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej.
Il-proġett, li jagħmel parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni fil-Kottonera, kien tnieda mill-Gvern preċedenti bl-iskop li jkun hemm post rikreattiv f’żona li kienet dilapidata.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Mizzi qal li l-importanza ta’ dan il-proġett kien li jiġu integrati darba għal dejjem it-Tlett Ibliet u jintrebaħ perċentwal għoli ta’ spazju pubbliku. Dan sar b’finanzjament ta’ aktar minn €11-il miljun minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
L-investiment ma kienx ikkonċentrat biss fuq il-Waterfront u l-Baċir, iżda sar xogħol ta’ pjanar biex jiġi indirizzat l-aspett soċjali u integrat tal-pjan ta’ azzjoni u riġenerazzjoni.
Saru diversi interventi fuq il-housing u sistemi soċjali tal-inħawi tal-Kottonera, speċjalment is-sistemi ta’ housing f’San Ġwann t’Għuxa u fl-inħawi ta’ Santa Margerita.
Ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera hi ta’ importanza nazzjonali u biha qed ikun xprunat it-turiżmu sostenibbli fil-Lvant tal-Port u fix-Xlokk ta’ Malta li għandhom uħud mill-aqwa sistemi ta’ wirt storiku ta’ importanza universali u opportunitajiet f’diversi industriji.
Il-Ministru Mizzi stqarr li d-diversifikazzjoni fl-ekonomija lokali għandha ssostni r-riġenerazzjoni soċjali fil-Kottonera u l-inħawi tal-madwar. Dan qed jinħass ukoll fl-investiment li qed jsir fl-inħawi u fil-proprjetajiet tat-Tlett Ibliet.
Is-somma ta’ €11-il miljun tkopri t-tisbiħ u rijabilitazzjoni tal-Bacir Numru Wieħed< it-tisbieħ u rijabilitazzjoni ta’ Xatt ir-Riżq< ir-rijabilitazzjoni u tisbiħ taż-żoni tal-komun tal-Married Quarters ta’ San Nikola< ir-rijabilitazzjoni u tisbiħ tal-Housing Blocks tal-Verdala< ir-rijabilitazzjoni taż-żona mitluqa, fi ġnien u playing area ħdejn il-Housing Estate ta’ San Ġwann t’Għuxa< ir-rijabilitazzjoni ta’ triq biswit Dar Andrew u x-xatt tal-Isla minn Boiler Wharf sal-Maċina.
Parti mill-proġett tinkludi wkoll il-pont li jgħaqqad Bormla mal-Isla, liema pont magħmul minn struttura tal-ħadid hu twil 40 metru.
Tħabbar li fl-istess inħawi se jkun hemm l-Għassa tal-Pulizija l-ġdida ta’ Bormla, b'investiment ta' €300,000 permezz ta' fondi Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li dan il-proġett ibbenefika minn 9 miljun permezz tal-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea. Hu radd ħajr lil min beda dan il-proġett u lill-gvern li kompla fejn ħalliet l-amministrazzjoni preċedenti. Ian Borg żied li l-gvern se jkun qed jistinka biex jakkwista aktar fondi sabiex jitkattar l-investiment fin-nofsinhar ta' Malta.
Charles Flores, iċ-Chairman tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera u tal-Kalkara qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar il-Baċir Numru Wieħed fl-isfond tal-istorja u fisser din iz-zona rat diversi interventi matul iz-zmien.
L-Arċipriet ta' Bormla Reuben Micallef qal li l-Baċir jaf l-istorja tiegħu sa mill-1841 u sostna li l-proġett se jkun qed joħloq armonija u jgħaqqad it-tlett ibliet u l-Kalkara.
Tkellmet ukoll is-Sindku ta' Bormla Alison Zerafa li, bejn battuta partiġjana u oħra, qalet li l-proġett tal-Baċir Numru Wieħed qed jagħti dehra ġdida lill-belt Cospicua. Hi sostniet li dan il-proġett wassal għal Bormla aħjar u nifs ġdid għall-Bormliżi.
//= $special ?>