Leanne Camilleri, li għandha 20 sena u li ammettiet fil-Qorti li gidbet fuq missierha, qalet li kieku mhux għall-partner ta’ missierha, tixtieq li tmur lura miegħu. Dan ġie żvelat quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke meta kompla jinstema’ l-każ tat-tfajla, akkużata li gidbet fuq missierha Emmanuel (ritratt) meta qalet li dan kien abbuża minnha sesswalment.
Mix-xhieda tal-Probation Officer Antonia Spagnol, appuntata mill-Qorti fuq dan il-każ, irriżulta li Leanne kellha trobbija diffiċli ħafna għax meta kellha biss seba’ snin il-ġenituri tagħha sseparaw. Konsegwenza ta’ dan, missierha kważi qatt ma kien ikun preżenti, filwaqt li kellha rabja kbira fil-konfront ta’ ommha. Irriżulta wkoll li llum Leanne hi carer u għandha żewġ impiegi part-time, kif ukoll għandha relazzjoni stabbli. Mir-rapport ħareġ ukoll li tinsab f’kuntatt ma Social Worker u Psikologu u li qed turi x-xewqa li tmur lura ma’ missierha, għalkemm qed tibża’ li jistgħu jinħolqu xi problemi mal-partner tiegħu.
Il-Probation Officer xehdet ukoll li meta tkellmet ma’ Emmanuel Camilleri, dan qal li ħafer lil bintu, iżda jifhem ukoll li bintu trid terfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilha. Il-Probation Officer irrakomandat li Leanne tingħata sentenza ta’ tliet snin probation u tagħmel servizz komunitarju ta’ 100 siegħa, filwaqt li tibqa’ tingħata għajnuna psikoloġika sakemm jintemm il-perjodu tal-probation. Is-sentenza mistennija għall-15 ta’ Settembru li ġej.
Għal Leanne Camilleri qed tidher l-Avukat Maxeline Pace, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Sandro Micallef.
//= $special ?>

