L-Iżvizzeru Roger Federer u l-Amerikana Serena Williams għaddew faċilment għat-tieni rawnd tal-US Open. Federer, rebbieħ ta’ dan it-tilu għall-ħames darbiet għeleb lil Marinko Matosevic 6-3 6-4 7-6 (7-4) filwaqt li Williams kellha wirja dominanti fir-rebħa ta’ 6-3, 6-1 li kisbet fuq Taylor Townsend.
Iċ-champion ta’ Wimbledon Petra Kvitova ġabet fix-xejn lill-Franċiża Kristina Mladenovic meta rebħitilha 6-1, 6-0 filwwaqt li l-Bulagara Olga Govortsova tilfet kontra r-runner up ta’ Wimbledon Eugenie Bouchard.
Ana Ivanovic, is-seed numru tmienja kienet tennista oħra li kisbet rebħa faċli hekk kif din eliminat lill-Amerikana Alison Riske bi skor ta’ 6-3, 6-0 f’siegħa logħob. L-Awstraljana Sam Stosur rebħet 6-1, 6-4 kontra Laura Davis.
It-tennista numru erbgħa fid-dinja David Ferrer rebaħ 6-1, 6-2, 2-6, 6-2 kontra Damir Dzumhur. L-Amerikan John Isner rebaħ 7-6 (7-5) 6-2 7-6 (7-2) kontra Marcos Giron.
Victoria Azarenka tal-Belarus rebħet 6-7 (7-3), 6-4 6-1 kontra l-Ġappuniża Misaki Doi filwaqt li kontra kull mistenni, l-Amerikana Cici Bellis, li għad għandha 15-il sena rebħet 6-1 4-6 6-4 kontra Dominika Cibulkova. B’din ir-rebħa Bellis saret l-iżgħar tennista sa mill-1996 li qatt rebħet logħba f’dan l-Open tal-Istati Uniti. Fil-fażi li jmiss Bellis tilgħab kontra Zarbia Dyas u ta min jinnota li jekk tirbaħ il-logħba ma tistax tieħu l-premju ta’ 36 elf lira sterlina minħabba li għadha amateur.


