Qorti

Kenneth Gafa arrestat mill-ġdid u jintbagħat tliet xhur Ħabs wara li reġa’ kiser ordni tal-Qorti

Kenneth Gafa, ta’ 42 sena mill-Marsa u residenti Ħal Qormi u li jinsab mixli bil-qtil tal-eks maħbuba tiegħu Christine Sammut ta’ 40 sena mir-Rabat f’Diċembru 2010, għat-tieni darba kiser il-libertà proviżorja u mhux biss reġa’ spiċċa l-Ħabs fuq dan il-ksur iżda ġie kkundannat tliet xhur ħabs fuq dan ir-reat. Il-Qorti ordnat li wara li jiskonta l-perjodu ta’ priġunerija, għandu jinżamm il-Ħabs fuq il-każ tal-allegat qtil. Madankollu, il-Qorti ma ordnatx li Gafa jitlef id-depożitu ta’ €15,000 li kien ġie ordnat iħallas biex jingħata l-libertà proviżorja.

L-Ispettur Anzjan Chris Pullicino xela’ lil Gafa li, meta skont il-kundizzjonijiet li għandu mposti fuqu mill-Qorti, dik li fost affarijiet oħrajn irid ikun miġbur fir-residenza tiegħu sal-10pm, kiser din il-kundizzjoni bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għaddew kien barra jixrob f’ħanut fil-Marsa. Fl-1 ta’ April li għadda, Gafa kien ukoll tilef il-libertà proviżorja wara li kien inqabad jixrob f’ħanut f’Ħal Qormi meta suppost kien id-dar.

Dakinhar, Gafa wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrieh, iżda din id-darba ammetta u qal li mar fil-ħanut biex jissellef €100 biex ikun jista’ jmur jixtri l-mediċini għal ommu. Qal li kien qed jixrob il-whiskey għax kien hemm xi ħadd fil-ħanut li offrielu drink. L-Ispettur Pullicino kien kellem lil Gafa diversi drabi u wissieh biex joqgħod attent u ma jdumx barra.

L-omiċidju li qed jiġi akkużat bih Gafa kien seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2010 fiż-Żebbiegħ, fil-limiti tal-Imġarr, fejn Gafa qed jiġi mixli li qatel lil Sammut bi sparatura ta’ senter lejn għonqha. Qed jiġi mixli li għall-ħabta tal-5.15pm, bil-ħsieb li joqtol lil Christine Sammut, sparalha tiri ta’ arma tan-nar u kkaġunalha l-mewt. Il-mara kienet instabet midruba sew f’vann żgħir. Żewġ skrataċ kienu nstabu viċin il-vann, bil-mara tmut ftit wara l-Isptar Mater Dei.

Kenneth Gafa kien ta ruħu b’idejh lill-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun, fejn kien qal li responsabbli għat-tiri li kienu ġew sparati. Sammut kienet tmexxi l-kumpanija tagħha billi tbiegħ prodotti tax-xagħar. Mill-investigazzjonijiet preliminari kien ħareġ li kien hemm diversi perjodi li fihom l-akkużat kien qed jagħti fastidju lil Sammut.

Huma kienu ilhom joħorġu flimkien għal aktar minn sena, iżda ftit qabel ma nqatlet Sammut, kien hemm l-inkwiet bejniethom tant li anke kienet keċċietu mill-appartament li kien tat-tnejn. Mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni, kien ġie żvelat li ftit qabel kien seħħ l-inċident, it-tnejn kienu għamlu rapporti kontra xulxin lill-Pulizija. Filwaqt li hu kien qal li hi kienet ħebbet għalih quddiem Pulizija, Sammut kienet qalet li kien imbuttaha diversi drabi u jagħtiha fastidju.

Fil-Qorti kien żvelat ukoll li hemm diversi każijiet mit-Tribunal li jinvolvu lill-akkużat u lill-vittma. Gafa qed jiġi mixli wkoll li ta fastidju lil Susan Sammut, li tiġi parentela tal-vittma. L-Avukati Giannella de Marco u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għall-akkużat. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Aġent Supretendent Chris Pullicino, Daniel Zammit u Edmond Cuschieri, filwaqt li l-Avukati Manwel Mallia u Arthur Azzopardi qed jidhru bħala parti-ċivili għall-eredi tal-vittma.