Kunċerti minn organisti ta’ fama internazzjonali
Dawk kollha li huma dilettanti tal-mużika tal-orgni għandhom opportunità mill-aqwa biex jisimgħu numru ta’ kunċerti minn organsiti ta’ fama internazzjonali waqt l-ewwel Festival Internazzjonali tal-Orgni li se jkun qed jittella’ f’pajjiżna bejn it-28 ta’ Awwissu u t-12 ta’ Settembru.
Il-festival se jkun qed joffri numru ta’ kunċerti ta’ mużika tal-orgni bis-sehem ta’ diversi organisti ta’ fama internazzjonali f’uħud mill-isbaħ kattidrali u knejjes li għandna f’pajjiżna – mill-Pro-Katidral Anglikan fejn se jittella’ l-ewwel kunċert sal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan għal dik ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta. Wieħed mill-kunċerti se jsir fil-gżira ta’ Għawdex – fis-Santwarju Ta’ Pinu.
Għaldaqstant wieħed se jkun jista’ jgawdi kemm il-mużika tal-orgni kif ukoll is-sbuħija arkitettonika ta’ dawn il-knejjes, kif spjega tajjeb ma’ In-Nazzjon id-Direttur Artistiku Joseph Lia. Lia qalilna li ħass il-bżonn ta’ dan il-festival fil-kalendarju kulturali Malti peress li qed juża hafna mill-patrimonju li għandna fil-gżejjer Maltin- il-knejjes u l-kattidrali sbieħ, il-mużika Maltija li ħafna kompożituri kitbu f’dan il-ġeneru u l-orgnijiet imxerrdin ma’ Malta u Għawdex.
Opportunità unika li se jkun qed joffri dan il-festival huma l-masterclasses offruti minn Dion Buhagiar u Erwin Wiersinga – tnejn mill-organisti li se jkunu qed jieħdu sehem fil-festival tal-orgni.
Id-dħul għall-kunċerti fil-Festival Internazzjonali tal-Orgni huwa bla ħlas imma wara kull kunċert se jinġabru donazzjonijiet b’risq il-Fondazzjoni Nazareth.
//= $special ?>