Lokali

L-għaxar edizzjoni tal- ‘Qormi Wine Festival’ f’Settembru

Il-Qormi Wine Festival jidhol fl-għaxar edizzjoni tiegħu. Il-festival, li llum sar appuntament mistenni minn ħafna, din is-sena se jkun qed jittella’ nhar il-Ġimgħa 5 u s-Sibt 6 ta’ Settembru mis-7.30pm sa nofsillejl.

Għal dan il-Festival tal-Inbid, Triq il-Kbira f’Ħal-Qormi se xxidd libsa differenti f’atmosfera tipika ta’ festa lokali bil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ fl-isfond.

Fost l-attrazzjonijiet tal-festival, wieħed se jkun jista’ jsib għazla wiesgħa ta’ nbejjed ħomor, bojod u rose’ magħmula minn varjetajiet ta’ għeneb lokali, kuncerti minn kantanti u bands rinomati, ikel tipiku Malti maghmul dak il-ħin stess, wirjiet u kompetizzjonijiet, show tad-dwal u chill out area.

Id-dħul għal dan il-festival huwa b’xejn. Dawk preżenti jistgħu jixtru tazza tal-inbid bil-logo tal-Qormi Wine Festival għal prezz specjali li biha jkunu jistgħu jduqu l-inbejjed kollha offruti. It-tazza tista’ tinzamm bħala tifkira. L-ikel kollu wkoll se jkollu prezzijiet specjali.

Il-festival jieħu r-raħal ta’ Ħal Qormi lura għat-tradizzjoni antika minħabba li l-belt Pinto, minbarra għall-ħobz, hi magħrufa wkoll għat-tagħsir tal-għeneb. Iżda minbarra li jqajjem tradizzzjonijeit antiki, il-festival huwa attrazzjoni għat-turisti li f’dawn iż-żminijiet ikunu f’pajjiżna għal btala.

Il-Festival tal-Inbid qed jiġi organizzat mill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri bil-kollaborazzjoni tal-kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u l-Kumpanija Marsovin li qed tipprovdi l-inbejjed.