Kunsilli Lokali Lokali

Owen Bonnici jħabbar b’urġenza proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet lokali wara l-istorja tagħna

L-għada li MaltaRightNow.com ippubblika l-aħbar li l-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali Owen Bonnici ma riedx iwieġeb jekk l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Marzu 2015 hux se jsiru jew le, f’konferenza tal-aħbarijiet imsejħa b’urġenza, l-istess Ministru ħabbar li fetaħ proċess ta’ konsultazzjoni dwar iċ-ċaqlieq tal-elezzjonijiet lokali.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ma kinitx ippjanata u ma ħarġitx mal-lista ta’ coverages li joħroġ id-Dipartiment tal-Informazzjoni kull filgħodu. Madankollu, ġiet imsejħa fil-11.15am bil-ġurnalisti jiġu mistiedna jattendu għaliha fin-12.30pm, b’indikazzjoni ċara li din issejħet b’reazzjoni għall-istorja li żvelajna lbieraħ.

Filwaqt li fl-istorja ppubblikata lbieraħ, il-Ministru Owen Bonnici qal li se jħabbar il-proċess ta’ konsultazzjoni “aktar tard”, f’anqas minn 24 siegħa u b’reazzjoni għal dawn il-kummenti, l-istess Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar li l-Gvern fetaħ il-perjodu ta’ konsultazzjoni sas-27 ta’ Settembru dwar il-proposta li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jibdew isiru kull ħames snin ma’ dawk tal-Parlament Ewropew.

Dan ikun ifisser li l-Kunsilli attwali se jkollhom leġiżlatura twila seba’ snin u jiġu mġedda fl-2019. Skont il-Ministru Bonnici, dan jiffranka madwar €2m lill-Gvern, inaqqas l-electoral fatigue u jżid il-parteċipazzjoni tal-votanti. Fil-konfrenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, tħabbar li fl-erba’ ġimgħat tal-konsultazzjoni se jsiru laqgħat ukoll mal-partiti politiċi ewlenin, mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) u mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-Vot 16.