Knisja Kultura Lokali

Preparamenti biex titkompla l-pittura fis-saqaf tal-Knisja ta’ San Publju fil-Furjana

Fil-Knisja Arċiperatli ta’ San Publju fil-Furjana, bħalissa qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex wara waqfa ta’ 27 sena titkompla l-pittura fis-saqaf tal-Knisja. Il-pittura ġdida se tkun xogħol il-pittur Għawdxi John Grima u meta titlesta, is-saqaf tal-Knisja ta’ San Publju jkun komplut mill-pittura. Fl-aħħar jiem, numru ta’ voluntieri bdew ix-xogħol ta’ tpoġġija tat-travi u l-fallakki biex jibda dan il-proġett.

Kien fi tmiem l-40 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu li l-Arċipriet tal-Furjana Dun Richard Borg ħabbar li din il-pittura se titkompla. Il-pittura se tkun tiffoka fuq il-ħajja ta’ San Publju, li kien l-ewwel Isqof ta’ Malta. Il-pittura tiffoka wkoll fuq il-laqgħa li San Publju kien ta lil San Pawl meta nkalja l-ġifen f’pajjiżna. Fuq in-naħa l-oħra tal-Knisja, il-pittura se tiffoka fuq it-tluq ta’ San Pawl minn Malta u l-għajnuna li San Publju u ħutu l-Maltin taw lil Pawlu u l-persuni l-oħrajn li kienu fuq il-ġifen.

Din il-pittura tal-artist Għawdxi John Grima se tkun l-aħħar pittura li se tkompli ssebbaħ din il-Knisja ddedikata lil San Publju, fost xogħolijiet artistiċi oħrajn ta’ Filippo Vincenzo Pace, Giuseppe They, Raffaele Caruana, Giuseppe Calì, Envin Cremona u Paul Camilleri Cauchi.