Ekonomija Lokali

Statistika mill-NSO turi tkabbir fil-PDG u tħassib għax l-investiment mhux isir mill-privat

Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tindika li l-Prodott Domestiku Gross ta’ Malta bejn April 2014 u Ġunju 2014 kiber b’4.2% fuq l-istess perjodu fl-2013. F’termini reali, l-ekonomija kibret bi 2.9%. L-istqarrija tal-NSO tgħid li jekk wieħed jikkunsidra l-effett tad-dħul u t-tassazzjoni mħallsa u riċevuta mir-residenti, minn u lejn il-kumplament tad-dinja, id-dħul nazzjonali gross bil-prezz tas-suq għat-tieni kwart tal-2014 kien stmat li kien ftit aktar minn €1.8 biljun.

Sadanittant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib serju tiegħu dwar is-sostenibbiltà ta’ dan it-tkabbir minħabba li primarjament hu l-frott tan-nefqa tal-Gvern u mhux ta’ investiment produttiv mis-settur privat. Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Parlament u Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco u l-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech, il-PN qal li filwaqt li numru ta’ setturi ekonomiċi ċkienu matul l-aħħar kwart, is-settur pubbliku kkontribwixxa aktar minn terz (35%) tat-tkabbir rappurtat fit-tieni kwart tas-sena.

Dan ifisser żieda sostanzjali ta’ 10% fuq l-ewwel kwart tal-2014 u hu evidenza ta’ sforz b’saħħtu min-naħa tal-Gvern li jgħatti l-problemi ekonomiċi f’pajjiżna. Kemm il-PN, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija, kif ukoll diversi sidien ta’ negozji, ilhom għal dawn l-aħħar xhur jiġbdu l-attenzjoni tal-Gvern dwar dawn il-problemi. Il-PN sostna li dan l-isforz hu kkonfermat minn aspett ieħor tal-istatistika maħruġa llum, jiġifieri dak dwar il-pagi. Hawn, iċ-ċifri tal-NSO juru li meta wieħed jikkunsidra ż-żidiet fil-pagi fl-ekonomija Maltija, nofs dawn iż-żidiet saru fl-impjiegi mal-Gvern u allura b’impatt dejjem akbar fuq it-taxpayer u l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna.

Il-PN qal li filwaqt li l-Gvern diġà ħareġ jiftaħar b’dawn ir-riżultati, analiżi ekonomika bir-reqqa tikxef tħassib kbir, xhieda li l-Gvern qed ifittex biss soluzzjonijiet fuq medda qasira għal problemi li hemm fis-setturi l-oħra. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-manifattura, li għal darb’oħra reġgħet esperjenzat tnaqqis, b’konferma tal-indikaturi differenti maħruġa fl-aħħar jiem u li l-Gvern ipprova jaħbi taħt it-tapit. Għaldaqstant, il-PN appella lill-Gvern biex b’rispett lejn il-ħaddiema u l-familji, li llum għandhom dubji leġittimi dwar il-futur u l-għajxien tagħhom, jieqaf jitratta l-ekonomija bħala xi logħba taċ-ċifri li jista’ jilgħab kif jaqbillu, u jfittex illum qabel għada kif se jdawwar ir-rotta li qed twassal biex pajjiżna jmur lura f’dak li hu investiment mis-settur privat, li jiggarantixxi l-ħolqien tal-ġid u xogħol ta’ kwalità f’pajjiżna.