Lokali

Xhieda ta’ inkonsistenza mill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima sodisfazzjon għall-fatt li, erba’ xhur tard, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ħabbar li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar jekk il-Ministru tal-Edukazzjoni għandux ikollu aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti Maltin u Għawdxin.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni Joe Cassar, Paula Mifsud Bonnici u Claudette Buttigieg sa[qu li l-Gvern għandu b’mod immedjat jannulla l-Avviż Legali 76 tal-2014 qabel ma jsir il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jinnotax l-inkonsistenza tal-Gvern f’dan il-każ.

L-ewwel, li l-Gvern daħħal l-Avviż Legali bil-moħbi: meta l-Oppożizzjoni kixfet il-każ, il-Gvern iddefenda l-Avviż Legali: il-Gvern ivvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex tannulla dan l-Avviż Legali: l-Avviż Legali baqa’ fis-seħħ: il-Gvern jgħid li l-Avviż Legali se jinbidel: il-Gvern iwaqqaf Working Group biex jistudja l-Avviż Legali: u l-Gvern ħabbar proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni sostnew li f’soċjeta’ serja, il-proċess ta’ konsultazzjoni jiġi fl-ewwel stadju u mhux wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet u daħlet fis-seħħ.

Il-pożizzjoni konsistenti tal-Partit Nazzjonalista kienet, għada u tibqa ċara; l-ebda Ministru m’għandu jkollu l-poter li jakkwista dik it-tip ta’ informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali.