Qorti

Xufier li ħebb għal turista jitkeċċa mix-xogħol u jkollu l-liċenzja għat-trasport pubbliku sospiża għal sena

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, illiberat lix-xufier ta’ Transport Malta ta’ 48 sena minn Wied il-Għajn bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn, filwaqt li ssospendietlu l-liċenzja ta’ trasport pubbliku għal perjodu ta’ sena wara li ammetta li ħebb għal turista Irlandiża fit-telgħa tal-Mellieħa. Ahmed Bounoulder, Marokkin li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 20 sena, ammetta l-akkużi miġjubin kontrieh, b’Uffiċjal ta’ TM tixhed fil-Qorti li x-xufier tkeċċa mix-xogħol.

Għall-ewwel, ix-xufier deher li kien se jikkontesta l-akkużi, iżda kif beda joqrob il-bidu tal-kumpilazzjoni ammetta kollox. Bounoulder ammetta li kien qed isuq karozza mikrija lil TM meta rema’ l-pushchair tal-omm Irlandiża barra t-triq wara li ħebb għaliha billi qabadha minn għonqha. L-Irlandiża kienet passiġġiera fil-vettura li kienet għaddejja mit-telgħa tal-Mellieħa. Wara li t-turista ppruvat titla’ b’diffikultà lura fil-karozza, anke għax kien hemm ukoll żewġha u ż-żewġt itfal tagħhom fil-vettura, din reġgħet ma tħallietx fost il-kliem ħażin u baxx li qalilha x-xufier.

Skont il-Prosekuzzjoni u x-xhieda, meta b’xi mod irnexxielha titla’ l-akkużat qabadha minn għonqha. Hu nstab ħati li bl-herra kkaġuna biża’ fuq Tara Fay Sahi u fil-konfront tar-raġel tagħha David Joseph Sahi. Kemm l-omm kif ukoll żewġha, flimkien ma’ passiġġiera femminili ta’ nazzjonalità barranija li taħdem fit-turiżmu, kienu xehdu b’urġenza minħabba li l-koppja Irlandiża riedet tħalli Malta wara li kienu spiċċaw il-vaganzi tagħhom. Mix-xhieda tagħhom irriżulta li x-xufier ma kienx kuntent fejn l-omm kient poġġiet il-pushchair u beda l-ħin kollu jgħidlha biex tressaqha. Minkejja li l-omm Irlandiża bdiet tipprova tagħmel dak li kien qed jgħidilha x-xufier, dan qabżitlu wara ftit tal-ħin, waqaf f’nofs it-telgħa tal-Mellieħa, qabad il-pushchair u waddaba barra t-triq.

Tara Fay Sahi niżlet mill-karozza biex tiġbor il-pushchair u hekk kif ippruvat terġa’ tirkeb, hi ma tħallietx. Ahmed Bounoulder instab ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika u l-buon ordni. Il-Qorti ordnat lix-xufier biex għal żmien sena ma jsuq l-ebda vettura li ġġibu kuntatt mal-passiġġieri u dan jinkludi karozzi tal-linja, minibuses, taxis u vetturi oħrajn li jagħmlu xogħol ta’ trasport għall-pubbliku. Għall-Marokkin dehret l-Avukat Marion Camilleri, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.