Lokali

Aġġornata: Jiddaħħlu l-kumplament tal-immagranti

Ftit tal-hin ilu, ghall-habta tas-sebgħa grupp ta’ mitejn sebgħa u ħamsin immigrant iddaħħlu fil-bażi marittima tal-Forzi Armati Maltin f’Xatt it-Tiben, wara li ġew salvati iktar kmieni fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta, fl-ibħra fil-Lvant tal-pajjiż.

L-immigranti ġew megħjuna minn bastiment merkantili li kien hu li beda l-ħidma ta’ salvataġġ. Imbagħad – f’ħidma ta’ salvataġġ fuq il-baħar – l-immigranti ġew mgħobbija fuq żewg patrol boats tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-P52 u l-P24, bil-grupp iddaħħal f’Hay Wharf ftit ilu.

Aktar kmieni wara nofsinhar, għall-habta tal-hamsa neqsin kwart, il-bastiment tal-AFM Melita One wasal Malta b’żewg trabi abbord, waħda minnhom ta’ sitt xhur, minħabba li kellhom bżonn ta’ assistenza medika urġenti. Flimkien mat-trabi ddaħħlu wkoll f’Hay Wharf zewgt irġiel u mara, kollha membri tal-istess familja, li kienu jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ mitejn u ħamsin li waslu iktar tard f’Malta.

It-trabi tittieħdu direttament lejn l-isptar Mater Dei, permezz ta’ ambulanza. Dan hu l-ikbar grupp ta’ immigranti li qed jiżbarka f’pajjiżna matul din is-sena wara li konna esperjenzajna tnaqqis fl-ammont ta’ immigranti li ddaħħlu Malta fis-snin li għaddew