Lokali

Aġġornata: Uffiċjali tal-Gvern Libjan f’Malta għal taħditiet

Delegazzjoni għolja tal-Gvern Libjan fl-aħħar sigħat kellha taħditiet mal-Gvern Malti f’pajjiżna f’tentattiv biex l-uffiċjali tal-Gvern tal-Libja eletti demokratikament ftit tax-xhur ilu jagħmlu pressjoni fuq diversi pajjiżi biex jappoġġjawhom u jiddikjaraw li qed jirrikonoxxu lilhom bħala l-Gvern leġittimu Libjan.

Dan hekk kif fil-Libja bħalissa s-sistema politika tinsab f’kaos konsegwenza tal-kunflitt ġdid li qed jolqot lil dan il-pajjiż ġar ta’ Malta bil-militanti Iżlamiċi tista’ tgħid li issa ħadu f’idejhom kwazi l-kontroll sħiħ tal-kapitali Tripli.

Kmieni matul il-ġurnata dan l-istazzjon kiseb informazzjoni dwar il-wasla tal-Libjani f’Malta. U aktar tard ġiet awtomatikament konfermata, tgħid li d-delegazzjoni tal-Gvern Libjan kellha taħditiet dwar dan, fil-Berġa ta’ Aragona fil-Belt, taħditiet li tmexxew mill-Vici Prim Ministru Louis Grech.

Id-delegazzjoni Libjana kienet tinkludi fost l-ohrajn lid-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Said al-Aswad, lill-Ministru tal-Kultura Elhabib Elamin, u lid-Deputat Kap tal-Parlament Libjan Emhemmed Shai’b.

Skont sorsi infurmati tajjeb, id-delegazzjoni waslet Malta l-Ħamis filgħodu stess, ftit tas-sigħat qabel il-laqgħa, u jidher li fit-taħditiet fl-ufficcju tal-Vici PM Malti, li bdew fis-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, ħadu sehem diversi uffiċjali oħra tal-Gvern Malti u tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Wara li l-militanti Iżlamiċi avvanzaw fuq Tripli u ħadu l-kontroll tal-ajruport u eventwalment il-belt kollha, fl-aħħar jiem ħarġu rapporti li fil-Libja llum hemm żewġ Gvernijiet, dak tal-militanti Iżlamiċi li qed isostni li għandu d-dritt imexxi l-pajjiż, u dak li ġie elett f’Ġunju u li qed jiltaqa’ f’Tobruk, ‘il bogħod mill-inkwiet fi Tripli.

Huwa dan tal-ahhar li uffiċjalment għandu l-għarfien internazzjonali imma fl-aħħar jiem reġa’ ltaqa’ l-Parlament preċedenti Libjan u talab ir-riżenja tiegħu.

Kien fid-dawl ta’ dan li r-rapprezentanti ta’ dan il-Gvern ġew f’Malta fl-aħħar sigħat, hekk kif bdew iżuru numru ta’ pajjiżi u jiltaqgħu ma’ diversi Gvernijiet biex jiżguraw li għandhom l-appoġġ tal-komunita’ internazzjonali. U li din tirrikonoxxihom bħala l-Gvern legittimu tal-Libja.

Mal-Gvern Malti, huma insistew li l-Parlament Libjan elett ftit xhur ilu kien elett demokratikament mill-poplu u għalhekk kull pajjiż għandu jirrikonoxxi l-għażla li l-poplu Libjan għamel b’mod demokratiku.

Waqt li kull Gvern gdid li jipproklama li qed imexxi l-Libja, kif ukoll il-Parlament l-antik li kien magħruf bħala l-Kungress Nazzjonali, mhumiex leġittimi.

L-uffiċjali tal-Gvern Libjan waslu Malta fuq titjira minn Franza li daħlet Malta l-Ħamis filghodu stess, għall-habta tal-10am wara li fis-sigħat li għaddew kellhom taħditiet f’Pariġi mal-Gvern Franċiż. U jidher li d-destinazzjoni li jmiss tad-delegazzjoni Libjana se tkun Ruma, għal taħditiet mal-Gvern ta’ Taljan ta’ Renzi.

Ovvjament min-naħa tal-Gvern Malti t-taħditiet inżammu sigrieti, u kien biss ħafna wara li żvelajna l-istorja aħna, fil-ħamsa u nofs ta’ filgħaxija, li nħarget stqarrija biex tikkonferma li saru dawn il-laqgħat. Id-delegazzjoni Libjana waslet għat-taħditiet għand il-Vici PM skortata mill-pulizija u suldati tal-Forzi Armati.

Uffiċjali tal-Gvern Libjan