Il-President Ukren, Petro Poroshenko, ħassar żjara fit-Turkija filwaqt li irrefera għall-‘movimenti tat-truppi Russi’ fiz-zoni tal-Ukrajna lejn il-Lvant.
Poroshenko anki għamilha ċara li hu irid ikun preżenti fi Kiev ladarba s-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Donetsk saret aktar perikoluża.
L-istqarrija ħarġet waqt li l-ġellieda separatisti li jridu unjoni mar-Russja ħatfu kontroll tal-belt ta’ Novoazovsk, li tinsab qrib il-kosta. Is-separatisti, salbieraħ, kienu anki qed jheddu lill-inħawi ta’ Mariupol, li hi belt tal-port strateġika lejn in-Nofsinar tar-reġjun.
Is-suċċessi tas-separatisti jidhru li fetħu ‘front ġdid’ fil-konfront mal-qawwiet ta’ Kiev, bil-President Poroshenko iħejji laqgħa urġenti għall-Kunsill tas-Sigurta tal-Ukrajna. Poroshenko iddeċieda li jħassar iż-żjara tiegħu fit-Turkija ‘ladarba iggravat is-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Donetsk’. Hu anki ikkummenta b’mod ċar fis-sens li ‘s-suldati tar-Russja kienu twasslu fl-artijiet tal-Ukrajna’.
Għalkemm il-qawwiet tal-Gvern Ukren, fl-aħħar ġimgħat, wettqu pressjoni kbira fuq is-separatisti fiz-zoni tal-Lvant, issa feġġew id-dubji dwar ‘fejn se jixxaqleb il-miżien’ wara l-aħħar żviluppi fil-konflitt. Dan għaliex is-separatisti armati, illum, ikkonsolidaw posthom u qed jirreżistu minn żewġ zoni distinti fir-reġjun ta’ Donetsk.
L-Uffiċjali tal-Ukrajna enfasizzaw, kemm il-darba, li r-Russja qed tibgħat it-truppi u t-tagħmir bħala appoġġ għal dawn is-separatisti – u minkejja li Moska ċaħdet għal dan.
Min-naħa tiegħu, il-mexxej tas-separatisti fl-Ukrajna, Alexander Zakharchenko, tkellem mat-Televiżjoni tar-Russja u qal li bejn 3,000 u 4,000 ċittadin Russu ‘qed jiġġieldu magħhom’ fir-reġjuni Ukreni tal-lvant. Zakharchenko insista li ħafna minn dawn ir-Russi huma eks-membri tas-servizzi u li ‘kollha qed jimpenjaw ruħhom bħala voluntiera’.
Fi żviluppi oħra, il-Kanċillier tal-:ermanja, Angela Merkel, insistiet għal spjegazzjoni mingħand il-President tar-Russja, Vladimir Putin, u fost ir-rapporti dwar ‘inkursjoni’ (tal-militar Russu) fl-artijiet tal-Ukrajna.
Intant, il-President ta’ Franza, Francois Hollande, qal li tkun ħaġa ‘intollerabbli’ jekk it-truppi Russi daħlu tassew fl-Ukrajna, u fejn insista biex Moska ma tkomplix tibgħat l-għajnuna lis-separatisti.
Fl-istess ħin, l-Organizzazzjoni għas-Sigurta u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) iltaqgħet fi Vjenna (fl-Awstrija) biex tiddiskuti l-aħħar żviluppi tal-Ukrajna.
Iħassar żjara minħabba ‘li qed jinfirxu’ t-truppi Russi fiz-zoni tal-Lvant
