Editorjal

L-Iskoċċiżi bejn ħaltejn quddiem l-indipendenza

Bħalissa għaddejja l-kampanja tar-referendum fl-Iskozja fejn fit-18 ta’ Settembru se jivvutaw jekk iridux jerġgħu jsiru indipendenti wara 300 sena magħqudin mal-Ingliżi. Jidher li hemm interess kbir fir-referendum, saru dibattiti mqanqlin, imma l-maġġoranza fl-istħarriġiet tal-fehma pubblika jidhru xettiċi ħafna fuq l-indipendenza.

Il-maġġoranza tal-Iskoċċiżi jidhru kontra

Hemm argumenti dwar kemm ikollhom iħallsu għad-difiża tagħhom jekk jitilqu għal rashom, x’munita jkollhom wara, it-theddida għall-ħafna kummerċ li jagħmlu mal-Ingliżi, u għall-għajnuniet li jieħdu. U minkejja li l-Iskoċċiżi jibdew igawdu ż-żejt kollu li għandhom, il-maġġoranza tal-Iskoċċiżi jidhru li ma jridux l-indipendenza.

Argumenti li jirriflettu dawk ta’ 50 sena ilu f’Malta
F’Malta dalwaqt se nkunu qed niċċelebraw ħamsin sena ta’ indipendenza. Għalkemm ir-relazzjoni li kellna aħna mar-Renju Unit mhijiex l-istess bħal tal-Iskozja, la fit-tul u lanqas fil-kwalità, l-argumenti kontra l-indipendenza fl-Iskozja llum jirriflettu ħafna mill-argumenti li saru ħamsin sena ilu kontra l-indipendenza ta’ Malta.

Sfidi li juru x’att kbir ta’ kuraġġ u fiduċja kienet l-Indipendenza

L-argumenti li għaddejjin fl-Iskozja juru, fil-fatt, kemm kien att ta’ kuraġġ u fiduċja kbira fil-Maltin dak li l-Partit Nazzjonalista ried sa minn ħafna ilu. U dan narawh ukoll fl-oppożizzjoni li kien hawn Malta għall-indipendenza qabel inkisbet mhux biss mill-Partit Laburista imma wkoll minn partiti żgħar u anke minn elementi fil-Knisja u l-media.

50 sena nazzjon, 50 kisba għalik
Bħalissa, In-Nazzjon u l-mezzi l-oħrajn f’MediaLink Communications għaddejjin b’servizzi qosra dwar il-kisbiet ewlenin li seħħew mill-Indipendenza ‘l hawn permezz tas-sovranità li ksibna ħamsin sena ilu u bil-ħidma ta’ gvernijiet Nazzjonalisti.

L-indipendenza bħala proċess ta’ ħidma għall-pajjiż
Hija lista twila ta’ kisbiet li juru li fil-fatt l-Indipendenza kienet suċċess għal Malta għax il-Partit Nazzjonalista fehem li l-Indipendenza ma kinetx ġrajja waħda u daqshekk imma ħidma kbira li riedet issir biex il-Maltin ikollhom dak meħtieġ ħalli jfendu f’dinja kompetittiva u biex jagħmlu għażliet ħielsa anke għalihom personali.

Kisbiet f’ħafna oqsma biex Malta saret…
Id-drittijiet li komplew twessgħu, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u fl-ewro, is-soċjetà ta’ solidarjetà li ssawret, l-edukazzjoni li kibret tant, it-trasformazzjoni ekonomika diversi drabi, u l-proġetti li naraw madwarna kollha juru li l-indipendenza kienet mira diffiċli ħafna imma li fil-fatt irnexxiet bis-saħħa ta’ ħafna ħidma mill-Maltin u l-viżjoni ta’ mexxejja għ aqlin.

…nazzjon modern Ewropew

Waqt li l-Iskoċċiżi qegħdin bejn ħaltejn quddiem l-isfidi kbar tal-indipendenza li xejn ma qed jogħġbuhom, aħna l-Maltin daqt inkunu qed niċċelebraw l-għażla kbira li għamlu ta’ qabilna u s-suċċess li Malta kisbet biex illum hi nazzjon modern Ewropew.