Internazzjonali

L-UE se tibda tgħasses għall-immigranti fil-Mediterran

Wara laqgħa li kellu Angelino Alfano, il-Ministru tal-Intern Taljan, fi Brussel, kien deċiż li l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, il-Frontex tieħu f’idejha l-ħidma li kienet qed tagħmel l-Italja permezz ta’ Mare Nostrum.

 
Dan wara laqgħa li kellu ma’ Cecile Malmstrom, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni. L-Italja kienet qed tmexxi l-ħidma Mare Nostrum minħabba t-traġedji kbar li kien hemm fil-Mediterran meta laneċ mimlija immigranti għerqu b’konsegwnzi traġiċi. Imma tul din is-sena l-Italja ġabret aktar minn 100,000 persuna u ma tistgħax tkompli ġġorr il-piż waħedha anki minħabba l-ispiża kbira tal-ħidma militari kontinwa. Alfano ftit ta’ ġimgħat ilu ħabbar li f’Ottunru din il-ħidma kienet se tieqaf.

 
Il-ħidma kienet bdiet wara li f’Ottubru tal-2013 366 persuna mietu barra l-gżira ta’ Lampedusa meta l-lanċa tagħhom ħabtet mal-blat.

 
Il-ħidma ġdida se tkun imlaqqma Frontex Plus imma Malmstrom saħqet li l-Frontex kif inhi bħalissa ma tistgħax twettaq din il-ħidma u se jkun hemm bżonn l-għajuna tal-pajjiżi membri rigward bastimenti tal-gwerra u ajruplani biex isir din il-ħidma. Alfano qal ukoll li minn issa l-quddiem, il-laneċ li bihom isiru l-vjaġġi se jibdew jinqerdu la darbu jiddaħħlu l-art.

 

Malmstrom qalet li l-kobor ttal-ħidma Frontex Plus kienet se tiddependi fuq kemm pajjiżi membri tal-UE se jgħinu fiha. Hi żiedet ukoll li minn 28 pajjiż membru tal-UE, kienu biss għaxra li kienu qed jaċċettaw l-immigranti.

 
Malmstrom qalet li l-Frontex Plus se tkun verżjoni Iċken tal-Mare Nostrum imma d-dettalji eżatti għadd iridu jitħadmu u Alfano qal li issa l-Gvern Taljan se jara kif se jitħaddem il-proċess ta’ transizzjoni minn Mare Nostrum għal Frontex Plus. It-tir hu li f’Novembru l-Frontex Plus tkun bdiet taħdem.