Lokali

Marica Mizzi tfittex lill-Gvern għad-danni

L-eks Communications Coordinator fl-Uffiċċju tal-President Marica Mizzi, li serviet bħala kelliem uffiċjali tal-Presidenza ta’ George Abela, qed tfittex lill-Gvern għad-danni, wara li l-kuntratt tagħha ġie terminat b’effett mill-4 t’April li għadda, meta nħatret fil-kariga l-President M’Louise Coleiro Preca.

F’ittra uffiċjali li ressqet fil-Qorti kontra l-PM Joseph Muscat u kontra l-Kap tac-Civil Mario Cutajar, Mizzi qalet li fis-7 t’April irċeviet ittra mingħand is-Segretarju tal-Presidenza attwali li nfurmaha li l-kuntratt tal-impjieg tagħha twaqqaf.

Marica Mizzi qalet li minħabba li din it-terminazzjoni kienet biss konsegwenza tal-bidla fil-President ta’ Malta, suppost skatta provvediment li huwa stipulat fil-kuntratt tagħha stess, li permezz tiegħu hi kienet intitolata għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens.

Imma wara li għal diversi xhur mill-Uffiċċju tal-PM bdew jghidulha, l-ewwel li qed tinħadem is-somma dovuta, imbagħad li kellha tirċievi l-flus, finalment dan l-aħħar ġiet infurmata li ttieħdet deċizjoni li hi ma titħallasx ghax mhix intitolata għal dawn il-flus.

Fl-ittra uffiċjali, iffirmata mill-Avukat tagħha Ian Spiteri Bailey, Mizzi tgħid li dan huwa ksur tal-kuntratt, u tfakkar li diversi persuni li kienu f’pożizzjoni simili, bħal staff f’diversi Segretarjati privati mal-Gvern, tħallsu dak li kien dritt tagħhom, imma hi għal xi raġuni, li qalet li tispera li m’għandhiex motivi ulterjuri warajha, ma tħallsitx.

Minbarra li titħallas mingħajr dewmien din is-somma dovuta, Marica Mizzi qed titlob lill-Qorti wkoll tordna lill-Gvern iħallasha dak kollu li hi legalment intitolata għalih u li ma tħallsitx tiegħu kaġun tal-istess terminazzjoni tal-impjieg tagħha, bħalma huwa leave li ma ħaditx, u li ma tħallsitx tiegħu.