Internazzjonali

Massakru ta’ suldati mill-militanti tal-IS

Il-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku (IS) immassakraw numru sostanzjali ta’ suldati mal-Armata Sirjana. Din l-aħbar ingħatat mill-attivisti mal-Osservatorju għad-Drittijiet Umani fis-Sirja.

 
Is-suldati inkwistjoni kienu nqabdu mill-militanti li fetħu offensiva fuq il-bażi tal-ajru fl-inħawi ta’ Tabqa waqt li huma ppruvaw jaħarbu lejn il-provinċja ta’ Hama. Sadanittant, il-militanti – jew jihadisti – tal-IS bagħtu diversi messaġġi fuq Twitter li fihom ftaħru dwar il-mijiet tas-suldati li nqatlu taħt idejhom.

 
Din il-ġimgħa, il-militanti ċċirkolaw video u ritratti fuq l-internet li juru aktar minn 100 raġel libsin biss il-ħwejjeġ ta’ taħt, u bl-armi tal-militanti ppuntati lejhom waqt li huma qed ikunu sfurzati biex jimmarċjaw qalb id-deżert. Fil-filmat jinstema’ l-għajjat tal-militanti favur ‘l-Istat tal-Iżlam’ li huma m’għandhom l-ebda ħsieb li  jirtiraw.

 
Jiem qabel, kienu ntbagħtu wkoll ir-ritratti ta’ ġellieda tal-IS (kollha libsin l-iskufji) waqt li qed jisparaw lejn grupp ta’ rġiel li dehru għarkupptejhom fil-bażi ta’ Tabqa. Il-bażi partikulari –  li tinsab qrib il-belt ta’ Raqqa li saret fortizza tal-militanti –  ilha l-jiem li waqgħet f’idejn l-IS u dan wara ġimgħat ta’ ġlied qalil.

 
Intant, skont l-attivisti tal-Osservatorju, l-aħħar battalja għall-kontroll tal-bażi li damet għaddejja għal ħamest ijiem kienet swiet il-ħajja ta’ 346 militant u 170 membru tal-qawwiet tas-sigurtà.
Hu mifhum ukoll li madwar 700 militar Sirjan irnexxielhom jaħarbu mill-inħawi, iżda tal-anqas 200 oħra nqabdu u nqatlu huma u jippruvaw jaqsmu d-deżert lejn iz-zoni li huma kkontrollati mill-Gvern tas-Sirja.