Lokali

Mistoqsijiet dwar is-sehem t’omm is-sindku ta’ Ta’ Sannat fil-film ta’ Pitt u Jolie

Fir-raħal żgħir ta’ Sannat, kulħadd kelma waħda. Kulħadd jistaqsi kif u fuq liema bażi, omm is-Sindku Laburista Philip Vella ġiet ingaġġata f’kariga fuq livell ta’ produzzjoni mal-kumpanija barranija inkarigata mill-film li qed jinġibed f’Imġarr ix-Xini. Film li l-atturi principali fih huma Angelina Jolie u żewgha Brad Pitt.

Li l-produzzjoni ta’ dan il-film timpjega magħha nies mil-lokal ma fih xejn ħazin. Anzi hu sew li Għawdex u Malta jgawdu mill-ġbid ta’ din il-produzzjoni. U mhux l-ewwel darba li kumpaniji li ġibdu films f’pajjiżna ħaddmu magħhom Maltin u Għawdxin bħala extras, u saħanistra anke f’xi parti prinċipali.

Imma ħafna qed jistaqsu kif Josephine Vella, li inzertat omm is-Sindku tal-lokal li fil-konfini tiegħu taqa’ l-bajja fejn qed jinġibed il-film “By the Sea” mill-Universal Pictures, spiċċat ingaġġata mill-producers, fuq liema bażi u għaliex intagħżlet propju hi biex tagħmel dan ix-xogħol, li skont sorsi li tkellmu magħna jinvolvi ħidma bħala Segretarja tad-Direzzjoni, tant li qed tidher f’diversi laqgħat tieħu n-noti.

Il-bajja ta’ Mġarr ix-Xini, propju fil-jiem li għaddew, ingħalqet kompletament, biex ikun jista’ jibda l-ġbid ta’ dan il-film. Waqt Business Breakfast aktar kmieni din is-sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ftaħar li dan hu l-ewwel blockbuster li attirat lejn Malta l-Kummissjoni tal-Films bit-tmexxija ġdida tagħha.

Sorsi li tkellmu ma dan is-sit staqsew x’kapaċijiet irid ikollu min jintagħżel f’kariga bħal din, u xi ħlas dan iġib miegħu. Staqsew ukoll x’kuntatti u negozjati kien hemm bejn il-Gvern, il-Kunsill Laburista f’Ta’ Sannat u l-producers tal-film li qed jinġibed f’Għawdex dan is-sajf dwar il-ħlas ta’ kumpens għall-użu tal-bajja ta’ Mġarr ix-Xini. Fuq kollox staqsew ir-rappreżentanti tal-film u l-Kummissarju Malti tal-Films kellhomx taħditiet dwar l-użu ta’ din il-bajja fil-preżenza tal-Kunsill Laburista, li taħt ir-responsabbilta’ tiegħu jaqa’ dan il-post.

Min-naħa tagħna aħna bagħtna sensiela ta’ mistoqsijiet dwar dan, sew lill-Kunsill Laburista mmexxi minn Philip Vella – li llum huwa impjegat fil-Ministeru ta’ Anton Refalo, kif ukoll lill-Ministeru għal Għawdex stess. Għamilna wkoll domandi simili lill-Kummissjoni Maltija tal-Films, imma fit-tliet każi, id-domandi kollha li bagħtna, minkejja diversi reminders, baqgħu bla tweġiba.

Lil dawn it-tliet entitajiet, fost l-oħrajn staqsejnihom ukoll biex jikkonfermaw huwiex minnu li l-Kunsill Laburista f’Ta’ Sannat inizjalment kien talab kumpens konsiderevoli fl-ammont ta’ madwar nofs miljun ewro lill-producers tal-film li qed jinġibed f’Imġarr ix-Xini, imma għal xi raġuni, din it-talba eventwalment ma baqgħetx tiġi segwita.

L-informazzjoni li ghandna tgħid li l-ħsieb kien li l-producers jintalbu mill-Kunsill ta’ Sannat jħallsu eluf ta’ ewro f’kumpens bl-iskop li dawn il-flus, imbagħad, jintużaw fuq l-infrastruttura fil-lokalita’ fejn qed jinġibed dan il-film bħalissa. Fost l-oħrajn biex isiru numru ta’ toroq bit-tarmak u xi pjazez.

Imma għal xi raġuni, qalulna sorsi nfurmati, din it-talba ma mmaterjalizzatx. Mhux magħruf x’wassal għal dan, qalulna dawk li tkellmu magħna, l-istess nies li nfurmawna li omm s-Sindku Laburista Josephine Vella ġiet ingaġġata mal-kumpanija tal-films bi dħul finanzjarju sostanzjali.