Numru ta’ lajċi nhar l-Erbgħa li ġej, fit-tmienja ta’ filgħaxija, mistennija jinġabru quddiem ir-residenza tal-Arċisqof Pawlu Cremona f’Ħ’Attard bħala turija t’appoġġ lejh fit-tmun tat-tmexxija tal-Knisja f’Malta.
Din l-inizjattiva bdiet fl-aħħar jiem wara l-kritika li dehret fil-media minn numru ta’ saċerdoti li qalu li l-Knisja f’Malta għaddejja minn krizi fit-tmexxija tagħha.
L-opinjonista Lino Spiteri ddeskriva din il-kritika bħala sforz biex iseħħ kolp ta’ stat fit-tmexxija tal-Knsija – jgħid li għalih jeżisti ftit dubju li dan hu l-għan ta’ dawk li sempliċiment iridu bidla fit-tmexxija u l-istil li bih titmexxa l-Knisja.
Dan kien miċħud minn Father Joe Borg, li beda din id-diskussjoni fil-pagna tal-opinjoni tiegħu fis-Sunday Times of Malta.
Fid-dawl ta’ din il-kritika, fuq Facebook kienu diversi dawk li appellaw biex issir mixja bix-xemgħat bħala solidarjeta’ mal-Arċisqof Pawlu Cremona. Fil-fatt inħolqot ukoll event fejn ġew mistiedna mijiet ta’ persuni biex jingħaqdu f’din il-mixja ta’ solidarjeta’ bix-xemgħat, u jħeġġu lil oħrajn jattendu wkoll.
Inħolqot ukoll petizzjoni, bl-isem Support Archbishop Paul Cremona li fl-aħħar siegħat kienet iffirmata minn iktar minn elf persuna. F’din il-petizzjoni jintwera l-appoġġ lejn Monsinjur Arċisqof biex ikompli jaqdi d-dmirijiet u r-responsabbilta’ mogħtija lilu mill-Papa.
Fl-istess petizzjoni jingħad li hu tajjeb li jkun hemm ideat differenti dwar it-tmexxija tal-knisja, imma mhux fil-forma ta’ attakki.
Min-naħa tiegħu, meta mistoqsi dwar il-kritika li rċieva fl-aħħar jiem, f’kummenti li ta lill-midja lokali, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li hu se jkompli jaqdi dmirijietu bħala Arċisqof sakemm ma jordnalux mod ieħor il-Papa.
Fl-aħħar jiem saret ukoll laqgħa bejn l-Arċisqof stess u l-membri tal-kleru li kkritikawh – Fr Joe Borg, Fr Rene Camilleri u Fr Joe Inguanez. Wara, Dun Joe Borg iddeskriva din il-laqgħa bħala waħda li ħalliet il-frott fejn l-Arċisqof irrikonoxxa li l-kritika li saret hi frott l-imħabba li t-tliet qassisin għandhom lejn il-Knisja u li din saret b’intenzjonijiet tajbin.
Kompla li l-laqgħa kienet frott ir-rispett li jeżisti bejn il-qassisin u l-Arċisqof. Laqgħa oħra mistennija ssir fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>

