Futbol Sport

Muller ma jridx ikun captain filwaqt li Eto jitneħħa minn captain

L-attakkant Ġermaniż Thomas Muller qal li ma jridx ikun captain ta’ pajjiżu, iżda fl-istess ħin jemmen li jista’ jkun wieħed mill-pilasti tat-tim mingħajr ma jilbes il-faxxa. Wara li l-Ġermanja rebħet it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil il-captain Philipp Lahm kien ħabbar li se jirtira minn mat-tim nazzjonali.

Sieħbu Muller, li jilgħab fl-istess tim ta’ Lahm maġ Bayern Munich qal li hemm plejers oħra u mhux hu li jixirqilhom li jkunu captain tal-Ġermanja.

“Schweinsteiger hu l-viċi-captain u hemm anke Neuer, li nemmen li hu l-aqwa gowlkiper fid-dinja. Nista’ nkun wieħed mill-pilastri tat-tim imma biex ngħaddi l-esperjenza li għandi lil ħaddieħor m’għandix għalfejn nilbes bil-fors il-faxxa ta’ captain,” qal Muller. Muller, li għad għandu 24 sena, s’issa lagħab 56 darba mat-tim nazzjonali u skurja 22 gowl.

Minn naħa l-oħra, l-attakkant Samuel Eto’o tneħħa minn captain tal-Cameroon u minfloku se jkun Stephane M’Bia li se jkun captain. Din l-aħbar kienet mistennija wara li l-kowċ il-ġdid Volker Finke ma sejjaħhx lil Eto’o biex jifforma parti mit-tim.

Skont stqarrija mill-Federazzjoni tal-Futbol fil-Cameroon, kien il-Ministeru għall-Isport tal-Pajjiż li iddeċieda li Eto’o ma jibqax captain. Eto’o lagħab biss darba fit-Tazza tad-Dinja fejn il-Cameroon sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi.

Fl-istaġun li għadda Eto,o, li għandu 33 sena lagħab ma’ Chelsea u fl-istaġun li ġej se jilgħab ma’ Everton.