Sport Waterpolo

Neptunes champions għall-ħames darba konsekuttiva

Neptunes Grimaldi……9
Sliema Frank Salt……..5
(2-1),(2-0),(2-2),(3-2)

Meritatament Neptunes Grimaldi huma matematikament Champions tal-waterpolo lokali meta għelbu lil eqreb rivali Sliema 9-5 biex kisbu t-23 kampjonat b’żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat. B’din ir-rebħa Neptunes għandhom vantaġġ ta’ ħdax-il punt fuq is-Slimiżi. Dan il-kampjonat fisser ukoll rekord ġdid fil-kampjonat lokali hekk kif Neptunes rebħu l-kampjonat għall-ħames darba konsekuttiva.

Minkejja li ma kinitx l-aqwa prestazzjoni tagħhom, Neptunes għamlu biżżejed fil-partita biex jiksbu r-rebħa b’Sliema jkollhom diversi okkażjonijiet li setgħu ħadu vantaġġ minnhom iżda kienu eratiċi quddiem il-lasta.

Kienu Sliema li marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Petkovic, iżda Neptunes dawru l-iskor b’gowls ta’ Lanzon u Biros. Neptunes kabbru l-vantaġġ fit-tieni sessjoni meta skorjaw Steve Camilleri u Biros żiedu l-iskor filwaqt li irnexxilhom ma jsofrux gowl.

Jordan Camilleri għamel l-iskor 5-1 iżda Sliema irnexxilhom jidħlu fil-partita b’gowls ta’ Soler u Basara. Is-Slimiżi setgħu jkomplu jnaqqsu d-distakk iżda fallew diversi okkażjonijiet biex lejn tmiem is-sessjoni wara ċans mitluf minn Sliema, Niki Lanzon għamel l-iskor 6-3.

Minkejja li Basara naqqas il-marġni, Steve Camilleri reġa għamel id-distakk ta’ żewġ gowls. Petkovic reġa’ naqqas id-distakk iżda żewġ gowls ta’ Steve Camilleri lejn it-tmiem issiġġilla r-rebħa ta’ 9-5.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), G. Mizzi, M. Stellini, T. Agius, M. Zammit, S. Camilleri (4), J. Camilleri (1), A. Zarb Cousin, P. Biros (2), B. Muscat Dougall, T. Molnar, C. Mercieca

Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta, N. Lubrano, T. Sullivan, M. Meli, J. Soler (1), J. Borg, C. Cluett, J. Brownrigg, N. Bugelli, I. Basara (2), A. Petkovic (2), K. Schembri

Referees: Raffaele Colombo, Massimiliano Ruscica