Il-President tal-UEFA Michel Platini ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li se ssir f’Mejju tas-sena d-dieħla .
B’hekk mhux se jkun qed jisfida lil Sepp Blatter, attwalment President tal-FIFA. Platini qal li minflok se jikkontesta għall-elezzjoni ta’ President tal-UEFA u jekk ikun konfermat President dan ikun it-tielet terminu tiegħu f’din il-kariga.
Ħafna stennew li Platini kien se jikkontesta din l-elezzjoni, speċjalment wara li fl-aħħar xhur dan qal li l-FIFA għandha bżonn nifs ġdid u ideat ġodda.
Barra minn hekk Platini kien żvela li mhux se jkun qed jagħti l-ebda appoġġ lil Blatter. Fid-29 ta’ Mejju 2015, meta għandha ssir l-elezzjoni għall-Presidenza tal-FIFA, b’kollox hemm 209 pajjiż membru intitolati għal vot fl-elezzjoni li għandha ssir fi Zurich.
Platini ilu President tal-UEFA sa mill-2007 u ħafna kienu qed jistennew li sena oħra jisfida lil Blatter li għandu 79 sena u li qed ifittex li jservi l-ħames terminu tiegħu bħala President tal-FIFA.
Din id-deċiżjoni ta’ Platini tfisser li Blatter, s’issa, għandu biss avversarju wieħed fl-elezzjoni ta’ sena oħra u dan hu Jerome Champagne. Champagne hu eks membru fi ħdan il-FIFA u minkejja li dan sostna li jrid jisfida lil Blatter, dawk interessati biex jikkontestaw l-elezzjoni iridu jirreġistraw f’Jannar li ġej.
//= $special ?>

