Il-holders Real Madrid telgħu biex jilagħbu fl-istess grupp ta’ Liverpool fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League. Real, li f’Mejju li għadda rebħu t-titlu għal rekord ta’ 10 darbiet, se jilagħbu wkoll kontra Basel tal-Iżvizzera u Ludogorets tal-Bulgarija. Din is-sena Real komplew jissaħħu hekk kif akkwistaw plejers bħal ma huma Toni Kroos u James Rodriguez.
Ludogorets għaddew għall-fażi tal-gruppi bl-aktar mod drammatiku meta fil-play-offs spiċċaw jilagħbu b’10 meta tkeċċa l-gowlkiper u minfloku daħal jilgħab plejer li spiċċa biex kien l-eroj fl-għoti tal-penalties kontra Steaua Bucharest. Liverpool, li ftit ilu akkwistaw lil Balotelli, se jkunu qed jirritornaw f’din il-kompetizzjoni wara nuqqas ta’ ħames snin.
Bla dubju l-aktar grupp diffiċli hu Grupp E, grupp li fih se jilagħbu Bayern Munich, Manchester City, CSKA Moscow u Roma. Is-sena li għaddiet Bayern Munich rebħu d-‘Double’ u iddiżappuntaw bil-kbir meta fis-semifinali sfaw eliminati b’aggregate ta’ 5-0. Bayern se jkunu qed jilagħbu kontra Man City, tim li fl-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat Ingliż imma fiċ-Champions League iddiżappunta.
Atletico Madrid, il-finalisti telliefa ta’ sena ilu se jilagħbu fi Grupp A kontra ċ-champions tal-Italja Juventus, Malmo u ċ-champions tal-Greċja Olympiakos. Din is-sena Atletico Madrid huma tim differenti minn dak ta’ sena ilu fejn biegħu diversi plejers fosthom Diego Costa li kien wieħed mill-protagonisti kemm fi triqithom lejn il-finali u anke fir-rebħ tal-kampjonat Spanjol. Minn naħa tagħhom Juventus din is-sena jkunu taħt it-tmexxija ta’ Massimiliano Allegri li ħa post Antonio Conte li ħalla lill-Bianconeri biex imur imexxi lit-tim nazzjonali Taljan. Matul l-aħħar snin Juventus iddominaw fl-Italja u rebħu l-kampjonat għal tliet snin wara xulxin imma fl-Ewropa s-suċċess qatt ma wasal.
Athletic Bilbao, tim li ilu ma jilgħab fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League għal 16-il sena se jilagħab kontra Porto, Shakhtar Donetsk u Bate Borisov. L-Ispanjoli eliminaw lil Napoli fil-fażi tal-play-offs.
L-attakkant ta’ PSG Zlatan Ibrahimovic se jilgħab kontra żewġ eks-timijiet. Dan hekk kif iċ-champions ta’ Franza telġħu fi Grupp F ma’ Barcelona, Ajax u Apoel Nicosia. Ibrahimovic kien jilgħab ma’ Ajax madwar 10 snin ilu u wara li għamel żmien jilgħab fl-Italja ma Juventus u Inter mar jilgħab ma’ Barcelona fejn ma tantx kellu avventura tajba minħabba li kelli disgwid mal-kowċ ta’ dak iż-żmien Pep Guardiola. Il-kowċ ta’ Ajax, Frank de Boer, eks plejer ta’ Barcelona wkoll se jerġa’ jkun qed imur fil-Camp Nou. Minn naħa tagħhom Barcelona jittamaw li jirkupraw wara staġun deludenti. L-akkwist il-ġdid tagħhom Luis Suarez mhux se jkun jista’ jilgħab sa Ottubru minħabba li hu sospiż għal erba’ xhur u dan ukoll se jkun qed jilgħab kontra eks-klabb tiegħu, dak ta’ Ajax. Arsenal telgħu fi grupp delikat kontra Borussia Dortmund, Galatasaray u Anderlecht.
L-ewwel partiti minn din il-fażi jintlagħabu fis-16 u fis-17 ta’ Settembru filwaqt li l-finali ssir fl-Olympiastadion f’Berlin fis-6 ta’ Ġunju tal-2015.
Ronaldo l-aqwa plejer
Il-winger ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo ġie ivvutat bħala l-Aqwa Plejer fil-kompetizzjoni tal-istaġun li għadda. Ronaldo, li skurja wieħed mill-erba’ gowls li skurjaw Real fil-finali għeleb l-isfida tal-koppja ta’ Bayern Munich, Manuel Neuer u Arjen Robben.
Grupp A – A. Madrid, Juventus, Olympiakos, Malmo
Grupp B – R. Madrid, Basel, Liverpool, Ludogorets
Grupp Ċ – Benfica, Zenit, B. Leverkusen, Monaco
Grupp D – Arsenal, B. Dortmund, Galatasaray, Anderlecht
Grupp E – B. Munich, Man City, CSKA Moscow, Roma
Grupp F – Barcelona, PSG, Ajax, Apoel Nicosia
Grupp Ġ – Chelsea, Schalke, S. Lisbon, Maribor
Grupp Ħ – Porto, S. Donetsk, Athletic Bilbao, Bate Borisov


