Futbol Sport

Van Gaal mhux sorpriż bit-telfa kontra MK Dons

Il-manager ta’ Man Utd Louis Van Gaal qal li m’huwiex sorpriż bit-telfa ta’ 4-0 li sofra t-tim tiegħu tard it-Tlieta filgħaxija kontra MK Dons fil-Capital One Cup. Minkejja li f’din il-logħba ma lagħbux plejers titulari żgur li wieħed stenna li r-Red Devils jirbħu kontra tim ferm inferjuri għalihom. S’issa Man Utd, dan l-istaġun, għadhom bla rebħa. Wara li t-tim impressjona fil-preseason b’rebħiet kontra timijiet bħa ma huma Real Madrid, Roma, Inter u Liverpool, meta beda l-istaġun ir-riżultati ma bdewx jiġu. Man Utd bdew l-avventura tagħhom fil-kampjonat b’telfa f’Old Trafford kontra Swansea u fi tmiem il-ġimgħa ġew draw barra minn darhom kontra Sunderland.

 
“M’inix maħsud b’din it-telfa għax naf x’jista’ jiġri fil-futbol. Kellna disa’ plejers imweġġgħin u lagħbna biss 48 siegħa wara li konna impenjati fil-kampjonat. B’hekk, kelli nagħżel plejers li m’humiex regolari. Hu diffiċli għall-partitarji biex jifmhu l-pjan tiegħi imma hemm bżonn li jagħmlu dan għax tim ma jinbeniex f’xahar,” qal Van Gaal wara l-partita.

 
Intant, fl-istess jum li Man Utd sofrew din it-telfa umiljanti huma ħabbru li akkwistaw lil Di Maria ta’ Real Madrid għal somma rekord ta’ 59 miljun lira sterlina. F’ittra pubblika lill-partitarji ta’ Real, Di Maria żvela li hu qatt ma ried iħalli lill-klabb Spanjol.

 
“F’dawn l-aħħar erba’ snin kelli l-unur li nilbes il-flokk ta’ Real. Sfortunatament, se jkolli nħalli dan il-klabb u rrid nagħmilha ċara li jien qatt ma ridt nitlaq. Wara li irbaħna ċ-Champions League u wara t-Tazza tad-Dinja kont qed nittama li jkolli ħjiel mingħand id-diriġenti ta’ x’se jiġri imma qatt ma smajt xejn mingħand ħadd. Mid-dhera l-futbol tiegħi ma jinżilx tajjeb ma’ kulħadd,” qal Di Maria.

 
Ir-rekord preċedenti ta’ akkwist li sar fil-Premiership Ingliż kien dak ta’ 50 miljun lira sterlina li Chelsea kienu ħallsu biex akkwistaw lil Fernando Torres mingħand Liverpool.