Sport

Wawrinka jwettaq rimonta u jikkwalifika

Stan Wawrinka wettaq rimonta u għeleb lil Tomasz Bellucci 6-3 6-4 3-6 7-6 (7-1) biex ikkwalifika għar-rawnd tal-aħħar 32 tal-US Open. Wawrinka, rebbieħ tal-Open Awstraljan kien qed jitlef imma grazzi għall-esperjenza li għandu irkupra tajjeb u rebaħ kontra l-Brażiljan Bellucci.  Wawrinka issa jmissu jilgħab kontra Blaz Kavcic tas-Slovenja.

Ftit qabel il-logħba ta’ Wawrinka, Agnieszka Radwanska sfat eliminata meta tilfet kontra ċ-Ċiniża Peng Shuai. Kontra kull mistenni s-seed numru erbgħa tilfet bi skor ta’ 6-3 6-4 kontra Shuai, tennista li tinsab fid-39 post tar-rankings mondjali. Din kienet id-disa’ darba li Radwanska ma għaddietx għal mal-aaħħar 16 f’dan il-Grand Slam.

Bħal, Wawrinka, ir-Russa Maria Sharapova wkoll kellha twettaq rimonta wara li tilfet l-ewwel set kontra Alexandra Dulgheru. Din tal-aħħar kienet qed tirbaħ imma ma għarfitx tiddefendi l-vantaġġ biex tilfet 4-6 6-3 6-2.

Kontra kull mistenni, l-Amerikana Sloane Stephens tilfet kontra l-Iżvediża Johanna Larsson bi skor ta’ 5-7, 6-4, 6-2. Grigor Dimitrov sabha faċli biex rebaħ 6-2 7-6 (7-4) 6-2 kontra l-Amerikan Ryan Harrison.

Venus Williams, tennista li rebħet dan l-Open darbtejn għaddiet għat-tielet rawnd għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar erba’ snin meta rebħet kontra Timea Bacsinszky tal-Iżvizzera bi skor ta’ 6-1 6-4 u issa taffronta lit-Taljana Sara Errani.

Caroline Wozniacki tad-Danimarka għelbet lil Aliaksandra Sasnovich tal-Belarus 6-3, 6-4. L-eks numru wieħed fid-dinja issa tilgħab kontra l-Ġermaniża Andrea Petkovic.