Se jirrappreżentaw lil Malta fiċ-Champions Cup Ewropeja
Il-Kampjonati Nazzjonali 2014 tal-Malta Tenpin Bowling Association intemmu dan l-aħħar fl-Eden SuperBowl f’San :iljan. F’dik li kienet ripetizzjoni tas-sena l-oħra, Mauro Anastasi rnexxielu jirbaħ it-tieni titlu nazzjonali konsekuttiv fil-karriera tiegħu waqt li Sue Abela rebħet l-10 kampjonat konsekuttiv tagħha u d-19-il wieħed fil-karriera mpresjonanti tagħha.
Anastasi kellu bidu kwiet fl-ewwel jum ta’ kompetizzjoni fejn lagħab partiti ta’ 168 u 150 u temm l-ewwel ġurnata fir-raba’ post b’1605 pins wara Neill Sullivan b’1649, Mark Spiteri b’1625 u Justin Caruana Scicluna b’1606.
Fit-tieni jum Anastasi wkoll beda ħażin imma rkupra aktar ma għadda l-ħin biex b’total ta’ 3294 minn 16-il logħba tela’ fl-ewwel post quddiem Sullivan b’3216 u Rankin Camilleri fit-tielet post b’3209.
Kien imbagħad fit-tielet round ta’ tmien partiti li Anastasi ħa kontroll assolut meta beda b’251 u temm il-ġurnata b’1744. Medja ta’ 218 kull logħba u rebaħ il-kampjonat b’5038 pins li jfissru medja ta’ 209.9.
Sullivan temm it-tieni b’4767 waqt li t-tielet post mar għand Philip Gruppetta b’4753 quddiem Mark Spiteri.
Sue Abela wriet sa mill-ewwel ġurnata li kienet se tiddefendi t-titlu bl-aħjar mod possibli waqt li timmira lejn id-19-il kampjonat tagħha. Hija temmet l-ewwel ġurnata 65 puns quddiem il-kumplament b’1566, bl-eqreb rivali tkun Melissa Swift b’1501 u Tiziana Carannante b’1431.
Fit-tieni jum Abela dehret li tilfet il-forma meta naqset milli taqbeż il-200 pin imma fortunatament għaliha anke l-eqreb rivali tagħha kellhom ġurnata negattiva u Swift żammet it-tieni post b’99 punt taħt Abela waqt li Carannante żammet it-tielet post.
Imma fl-aħħar round ta’ tmien partiti, Abela reġgħet sabet l-aqwa tagħha u kellha ħames logħbiet li fihom kisbet aktar minn 200 pin għal total ta’ 1657 biex spiċċat l-ewwel b’total ta’ 4697, 338 pin aħjar minn Swift waqt li Joanna Attard issuperat lil Carannante biex ħadet it-tielet post.
Bħalissa, Mauro Anastasi u Sue Abela jinsabu għaddejjin bi programm intesiv ta’ taħriġ taħt it-tmexxija tal-kowċ nazzjonali Rick Vogelesang bi preparazzjoni għat-Tazza taċ-Champions tal-Ewropa li se ssir f’Reykyavik fl-Iżlanda f’Ottubru.
//= $special ?>
