Ittra mingħand Dun Geoffrey George Attard
Nhar it-Tlieta 26 ta’ Awwissu 2014 inzertajt miexi fi Triq Sannat, ftit passi bogħod mis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej u nilmaħ quddiemi ċorma nies li malajr deher ċar li kienu ġurnalisti mdawrin mal-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo kif ukoll uffiċjali tal-Għaqda Wirt Għawdex. Fuq il-ħajt tad-dar privata tal-Familja Montanaro, quddiem l-istess santwarju, kienet tidher l-istatwa ta’ San Ġorġ li għal ħafna snin issa ilha titfa’ ħarsitha fuq il-mijiet ta’ nies li jimxu għal għonq din it-triq ewlenija fir-Rabat Għawdex. Imma issa l-istatwa kellha dehra ġdida; ix-xbieha tal-qaddis gwerrier kienet qed isserraħ mhux aktar fuq biċċa minn dragun imma fuq dragun sħiħ irrestawrat. L-istatwa kienet ingħatat id-dehra glorjuża li darba kellha meta l-awtur tagħha naqqaxha fil-ġebla. Ħadmu fuqha ħaddiema mqabbda mill-Ministeru għal Għawdex u l-Għaqda Wirt Għawdex li ħadmu flimkien biex ix-xbieha tal-qaddis martri tingħata l-glorja kollha li darba kienet tgawdi. Issa kull min jgħaddi min quddiem din l-istatwa quddiem is-Santwarju Dumnikan tal-Madonna ta’ Pompej jista’ jammira l-istatwa bl-ilwien sbieħ li jżejnuha. Jingħad li fl-imgħoddi din l-istatwa kienet flok dik li llum hija magħrufa bħala San Ġorġ tal-Ħaġar fi Triq il-Librerija fir-Rabat, liema statwa nħadmet minn Ġużeppi Agius (1893-1948) magħruf bħala ‘il-Brejbex’.
//= $special ?>