Maltin u turisti li niżlu jgħumu fiż-żona ta’ quddiem il-Pjazza ta’ Buġibba il-Ġimgħa filgħodu sabu sorpriża tistennihom hekk kif ftit ‘il barra mill-blat tfaccaw diversi rqajja’ jkangu fl-isfar f’wiċċ il-baħar.
Iċ-ċapep kbar magħqudin u jdellku, x’aktarx fdalijiet u żjut tat-tonn, komplew jiżdiedu hekk kif l-għodwa bdiet toqrob lejn nofs in-nhar.
Għalkemm ma nxtammet ebda riħa tinten, xi persuni li tkellmu magħna qalulna li ddejqu jinżlu jgħumu minħabba l-ħmieġ li beda jeħel u jakkumula maż-żjut tal-ħut.
Persuna li tkellmet magħna fissret kif hi għamlet kuntatt ma’ ħaddiema tas-Sanita’ u nfurmathom dwar dan il-fenomenu li diġa’ seħħ darb’oħra f’Mejju li għadda.
Izda l-ufficjal tas-Sanita’ wiegbet lil din il-persuna li hi m’ghandhiex x’taqsam ma’ dawn l-irqajja u talbitha tiehu kampjuni tal-ilma. Meta l-persuna li tkellmet maghna talbet lill-ufficjal biex allura tigi tiehu kampjun tas-sustanzi li qed iniggsu z-zona, hi wiegbet li hi mhix obbligata tigbru.
Fil-post waslu ħaddiema mid-Dipartiment tal-Cleansing iżda dawn ma setgħux jiġbruh lanqas.
L-istess persuna li tkellmet magħna fissret ukoll kif hi rat raġel fuq dinghy li rriżulta li jaħdem fuq fish farm li fih jitrabba t-tonn.
Dan beda jistaqsi x’ġara u meta s-sors tagħna qal li dan kien materjal li allegatement kien ġej mill-fish farm, reġa’ immanuvra d-dinghy ‘il barra mix-xatt u ma ġiex lura biex ineħħi l-ħmieġ.
Xi turisti li kienu qed jgħumu fiż-żona u li ma ntebħux b’dan it-tniġġis, malajr sabu xortihom għax dehru jitilgħu mill-baħar fuq il-blat urtati b’dan il-materjal idellek iwaħħal ma’ xagħarhom u ma’ partijiet ta’ ġisimhom. Turista Ingliża dehret tneħħi ż-żjut li weħlu magħha permezz ta’ biċċiet tal-plastik.
Barra minn hekk nies li jipprovdu servizzi ta’ divertiment lit-turisti kellhom jieqfu mix-xogħol, għax dan il-materjal inġema’ madwar u fil-qiegħ tad-dgħajjes tagħhom.