Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern żdied b’aktar minn €50 miljun biex fl-aħħar ta’ Lulju kien fil-livell ta’ €309 miljun u nofs.
Żieda ta’ kważi 20% meta mqabbel mal-perjodu bejn Jannar u Lulju 2013, meta l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi kien jammonta għal €259 miljun.
Statistika tal-NSO turi li dan seħħ minħabba li mill-bidu tal-2014 sax-xahar li għadda ż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet ferm akbar miż-żieda fid-dħul. Waqt li l-ispiża tal-Gvern żdiedet b’138 miljun ewro jew 8%, dak li daħħal il-Gvern żdied biss b’87 miljun, li jfisser żieda ta’ 6%: biex id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ kompliet tikber b’50 miljun ewro u nofs.
Iċ-ċifri tal-Ufficcju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw għal darba oħra li kien hemm żieda qawwija ta’ 28 miljun ewro fin-nefqa tal-Gvern fuq il-pagi tas-settur pubbliku, li hi konferma taż-żieda fil-ħaddiema mal-Gvern. L-istatistika turi wkoll li d-dejn tal-Gvern fl-aħħar ta’ Lulju li għadda kien fil-livell ta’ 5,267 miljun ewro. Li jfisser żieda ta’ aktar minn 283 miljun fuq l-istess perjodu sena ilu.
Sadanittant, minn statistika oħra li ħarġet fl-aħħar sigħat, din id-darba mill-Aġenzija tal-UE, il-Eurostat, fuq il-qgħad, joħroġ li Malta f’Lulju tejbet il-pożizzjoni tagħha biex issa għandha t-tielet l-inqas rata ta’ nies ifittxu x-xogħol fl-Ewropa, b’rata ta’ 5.7%.
Il-qgħad f’Malta fuq ix-xahar ta’ qabel baqa’ fl-istess livell, waqt li meta mqabbel ma’ sena ilu, naqas, kif ġara sew fl-UE bħala medja, kif ukoll fiż-żona ewro.
//= $special ?>