Lokali

Il-Gvern qed jitlef ir-riedni fil-miri finanzjarji

Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermaw żieda allarmanti fid-defeċit tal-Gvern bejn Jannar u Ġunju, bil-Gvern ifittex li jemenda billi jnaqqas l-investiment li fuqu tiddependi l-għajxien u l-kwalita’ tal-ħajja tal-familji Maltin.

L-istatistka ppublikata mill-NSO turi li ċ-ċifri tal-iżbilanċ jindikaw b’mod ċar li Malta se tkun ‘il fuq minn 3 fil-mija sa tmiem din is-sena. Id-defiċit se jogħla bi €309 miljun, li hi kemmxejn għola minn dak li kellu jinkiseb f’dan iż-żmien tas-sena. Id-defiċit matul is-sena li għaddiet kien €51 miljun inqas. B’riżultat ta’ dan, il-Gvern Laburista issa żied id-dejn ta’ Malta b’ €400 miljun – kważi €1000 għal kull persuna.

Fi stqarrija, il-Kellem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech saħaq li l-Gvern qed iżid in-nefqa tiegħu b’ €100 miljun li teskludi s-setturi tas-sigurta’ soċjali u l-edukazzjoni. Waqt li qed jifranka l-flus billi ma jsirux l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tas-sena d-dieħla u l-appoġġ għall-investiment, il-Gvern m’ għandu l-ebda diffikulta’ li jonfoq madwar €60 miljun oħra fuq salarji u spejjeż marbutin mal-operat tax-xogħol.

L-aħħar tagħrif maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanżi wkoll jikkonferma d-diffikultajiet evidenti li qed jolqtu s-settur finanzjarju. Għalkemm id-dħul mit-taxxa żdied fl-2014 fuq is-sena li għaddiet, din iż-żieda hi 50 fil-mija anqas meta mqabbla maż-żieda rreġistrata s-sena l-oħra. Sfortunatament għall-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin, il-Gvern fittex li jirkupra l-eċċessi fuq is-salarji u l-ispiża tal-operazzjonijiet, billi qata’ €18-il miljun minn investiment produttiv.

Fi stqarrija kkonkluda li dan it-tarif iwassal għall-konklużjoni sempliċi – Gvern li qiegħed jitlef ir-riedni fil-miri finanzjarji tiegħu. Il-Partit Nazzjonalista b’urġenza qiegħed jitlob lill-Gvern biex jirrevedi n-nefqa tiegħu, partikularment fiż-żida tal-ispejjeż fis-settur pubbliku, u mhux jitnaqsu iwarrab in-nefqa kruċjali li minnha jiddependu l-għajxien u l-kwalita’ tal-ħajja tal-familji Maltin.